Il-Malta International Organ Festival ta’ din is-sena kkonferma ruħu bħala wieħed mill-avvenimenti kulturali ewlenin fil-gżejjer Maltin. Taħt id-direzzjoni artistika ta’ Dr Joseph Lia, il-festival laqqa’ udjenzi ma’ mużika straordinarja fi knejjes li joħolqu atmosfera ta’ kobor u serenità. It-taħlita bejn it-talent artistiku u s-sbuħija arkitettonika għamlet kull kunċert memorabbli għal dawk preżenti.
Issa, hekk kif riesaq lejn l-aħħar ġranet tiegħu, il-festival joffri tliet kunċerti finali li żgur mhux ta’ min jitlifhom.
Fil-4 ta’ Diċembru, il-Bażilika ta’ San Duminku fil-Belt Valletta ser tkun il-pjattaforma għal serata mużikali straordinarja. Marco D’Avola, organista rinomat Taljan, se jakkumpanja lil Filippo Lombardi, prodigju tat-tromba li minkejja l-età żgħira tiegħu diġà rebaħ bosta unuri u daqq bħala solista ma’ orkestri rinomati fl-Ewropa. Dan il-kunċert se joffri armonija unika bejn il-ħoss maestuż tal-orgni l-ġdid tal-bażilika u l-brillantezza tat-tromba.
Fil-5 ta’ Diċembru, il-festival jimxi lejn il-Bażilika tal-Mosta għal kunċert li jixpruna t-talent ġdid. Dan l-avveniment se joffri pjattaforma għal mużiċisti ġodda, u ser itihom l-opportunità juru t-talent tagħhom f’ambjent ispiranti. Għall-udjenzi, huwa ċans li jiskopru talenti ġodda u jesperjenzaw l-entużjażmu tal-ġenerazzjoni li jmiss.
Il-Grand Finale, li se jsir fis-7 ta’ Diċembru fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, se jagħlaq il-festival b’kunċert grandjuż. Johannes Skudlik, surmast u organista internazzjonali magħruf, se jdoqq fuq l-orgni l-ġdid tal-bażilika, programm li jinkludi xogħlijiet ikoniċi bħat-Toccata u Fuga fir-Re Minore ta’ Bach, it-Toccata ta’ Widor, u x-xogħol grandjużi ta’ Marco Enrico Bossi għall-orgni u l-orkestra.
Dan il-festival mhux biss jiċċelebra l-mużika organistika iżda wkoll jagħti ġieħ lill-ispirtu tal-arti u t-tradizzjoni li jagħmlu lil Malta unika. Għal aktar informazzjoni u biljetti żur –
www.MaltaInternationalOrganFestival.com.
//= $special ?>