Il-Qorti tal-Appell laqgħet l-appell li sar mill-Partit Nazzjonalista biex l-Avukat tal-Istat jiftaħ kawża biex jirkupra €400 miljun li tħallsu mill-gvern lill-operaturi tal-isptarijiet pubbliċi fi ftehim li ġie revokat mill-Qrati s-sena l-oħra.
Il-Qorti qalet li l-Avukat tal-Istat huwa fid-dmir li jaġixxi u li jieħu l-passi neċessarji biex jibda proċeduri dwar is-serqa tal-isptarijiet. Il-PN dejjem sostna li, wara li l-Qrati kienu ddikjaraw il-ftehim frawdolenti, l-Avukat tal-Istat kien fid-dmir li jieħu azzjoni biex jirkupra l-fondi minn jeddu, mingħajr ma jistenna direzzjoni mill-gvern. Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Toni Abela, kienet warrbet it-talbiet kollha tal-Oppożizzjoni fil-każ.
Il-kawża kienet infetħet fil-bidu tas-sena wara li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat l-annullament tal-ftehim tat-tliet sptarijiet ta’ Steward Healthcare li sewa lill-poplu Malti u Għawdxi serqa ta’ €400 miljun mit-taxxi tiegħu. Il-PN dejjem stqarr li l-Avukat tal-Istat qiegħed hemm għall-interessi tal-poplu mhux għall-interessi ta’ xi gvern.
Il-Qorti ppreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, għalhekk bidlu d-deċiżjoni mogħtija mill-Imħallef Toni Abela li kien iddeċieda li kieku l-Qorti kellha tordna lill-Avukat tal-Istat jagħmel xi ħaġa – f’dan il-każ jiftaħ kawża biex tikseb il-fondi lura – allura tkun qed tikser il-Kostituzzjoni, bil-Qorti tal-Appell ma taqbilx ma’ din it-teżi.
Il-Partit Nazzjonalista kien fetaħ il-kawża bil-għan li jiġu rkuprati flus pubbliċi mħallsa lil Vitals Global Healthcare, li aktar tard ġiet sostitwita minn Steward Healthcare, b’riżultat ta’ ftehim tal-2015, li ta t-tmexxija ta’ San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. sptarijiet lill-kumpanija.
Il-ftehim kien sussegwentement annullat minn Qorti fuq bażi ta’ frodi s-sena l-oħra, is-sentenza aktar tard ġiet ikkonfermata fl-appell. Il-Qorti tal-Appell marret oltrè u qalet ukoll li kien hemm kollużjoni.
Il-każ kien tressaq is-sena l-oħra mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, li talbu lill-Qorti tordna lill-Avukat tal-Istat biex iressaq proċeduri kontra “uffiċjali tal-gvern preżenti u tal-passat involuti fil-ftehim”.
L-Oppożizzjoni dejjem sostniet li l-Avukat tal-Istat, bħala gwardjan tal-interess pubbliku, kellu jaġixxi biex jannulla l-ftehim frawdolenti u sussegwentement jirkupra l-fondi.
Il-Qorti analizzat l-uffiċċju kostituzzjonali tal-Avukat tal-Istat Malti, u qabbilha ma’ diversi ġurisdizzjonijiet barranin. Meta wieħed iqis kollox, il-Qorti nnutat li l-Avukat tal-Istat ma deherx li kellu ‘carte blanche’ jew aħjar il-poteri biex jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu, xi ħaġa li wkoll ma qablitx magħha l-Qorti tal-Appell.
L-Avukat James D’Agostino rrappreżenta lill-Avukat tal-Istat. L-avukati Edward Debono u Nicholas Debono assistew lill-PN. L-avukati Chris Cilia, Ian Borg u Maurizio Cordina għenu lill-gvern bħala intervenjenti fil-każ.
//= $special ?>