“Ejja llejla, ejja sabiex insemmgħu leħinna, ejja sabiex tiċċelebra r-rebħ kontra min irid jagħmel li jrid.”
Kienet din id-dikjarazzjoni li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech f’intervista li saritlu fuq NETFM, fejn spjega li llum il-poplu ħareġ rebbieħ wara s-sentenza li ngħatat fl-ogħla Qorti ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li dan huwa mument storiku, dan għaliex il-Qorti ddikjarat li l-Avukat tal-Istat jista’ jfittex lil dawk responsabbli li serqu flusna biex inġiebu flusna lura, mis-serqa tat-tliet sptarijiet.
Bernard Grech spjega li llum ħareġ ċar: il-Qorti dejjem kienet, għadha u se tibqa’ l-aħħar bastjun f’pajjiżna u huwa proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista dejjem ħalla lill-Qorti taħdem.
Fid-dawl ta’ dan kollu, illejla, quddiem il-Parlament, fis-6pm, il-poplu għandu jkun qed jipprotesta sabiex il-Ministru Clint Camilleri jirreżenja wara l-iskandlu li ħareġ fil-beraħ fl-aħħar ġranet.
Iżda mhux għalhekk biss, imma biex il-poplu jiċċelebra rebħa storika, wara s-sentenza tal-ogħla Qorti.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li se jkun qed jieħu azzjoni quddiem is-sitwazzjonijiet diffiċli tal-pajjiż, quddiem Gvern li jiddefendi persuni li serqu lil dan il-pajjiż.
Lura fi Frar tal-2024, il-Qorti kienet iddeċidiet li l-kuntratti tal-isptarijiet għandhom ikunu kkanċellati, għaliex kienu frawdolenti u b’kollużjoni mal-ogħla uffiċjali tal-Gvern.
Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista fetaħ protest ġudizzjarju għal darba darbtejn, wieħed ikun dak biex il-Gvern jiftaħ kawża kontra Steward Healthcare sabiex iġib lura l-400 miljun ewro li nsterqu mid-deal frawdolenti tal-isptarijiet.
Iżda, il-Gvern, surrealment, kompla jagħti aktar flus lil Steward Healthcare.
Issa, permezz tas-sentenza li ngħatat dalgħodu, l-Avukat tal-Istat jista’ jieħu azzjoni biex iġib flus il-poplu lura. Bil-Partit Nazzjonalista jappella sabiex l-Avukat tal-Istat jieħu azzjoni immedjata u jekk le, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iżommu personalment responsabbli tat-tradiment lejn il-poplu.
//= $special ?>