Mohamad Altuoma, Sirjan ta’ 32 sena nżamm arrestat wara li l-prosekuzzjoni argumentat li n-natura tal-atti li saru minnu huma gravi ħafna u li l-akkużat m’għandux indirizz fiss. Ġie deskritt kif fil-15 ta’ Awwissu li għadda kienet faqqgħet ġlieda f’Paceville fejn Sirjan ta’ 32 sena kien attakka żewġ individwi b’sikkina.
Ħareġ ukoll li l-vittmi kienu tilfu ħafna demm, u l-akkużat ġie identifikat permezz ta’ filmati ta’ CCTV camera. Għalkemm l-imputat ġie identifikat permezz tal-filmati, intqal li l-Pulizija ma setgħetx issibu, madankollu, intlemaħ fit-30 ta’ Novembru 2024 u ġie arrestat fuq il-post.
L-akkużat, Mohamad Altuoma, wieġeb mhux ħati, u d-difiża talbet il-ħelsien tiegħu mill-arrest tiegħu. Id-difiża qalet li l-każ seħħ madwar erba’ xhur ilu, kien hemm ħafna progress min-naħa tal-prosekuzzjoni u għalhekk, “tgħid x’tgħid il-parte civile, ma nbidel xejn” minn dak li ġie ppreżentat s’issa.
L-ispettur kontroargumenta li minkejja li kien hemm CCTV li kien ippreservat waqt l-inkjesta, il-prosekuzzjoni mhix ċerta li l-akkużat ikun jista’ jħares il-kundizzjonijiet tal-pleġġ peress li m’għandux indirizz fiss.
Apparti dan, il-prosekuzzjoni żiedet tgħid li n-natura tal-atti li saru mill-akkużati huma gravi ħafna u li l-allegati vittmi għadhom ma xehdux. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, ċaħdet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat u ordnat li jinżamm arrestat.
Mexxew il-prosekuzzjoni l-Avukati Etienne Savona u Valetina Cassar għall-Avukat Ġenerali, u l-Ispetturi Nico Zarb u Roderick Attard għall-Kummissarju tal-Pulizija. Id-difiża tmexxiet minn Arthur Azzopardi u Jacob Magri.
//= $special ?>