Is-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia sostna li llum rebħet Malta – rebħet Malta għaliex illum il-PN rebaħ l-appell li għamel fil-ġlieda biex jinġiebu lura l-miljuni li insterqu fil-frodi ta’ Vitals u Steward.
Hu sostna li dan ma ġarax għaliex għandna l-aqwa Gvern fid-dinja iżda għax għandna oppożizzjoni li tħares l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi. Dan wara li dawk li kellhom iħarsu l-interess tal-poplu ħarsu biss lejn l-interessi tagħhom.
Adrian Delia fakkar kif il-Qorti sostiet li d-deal frawdolenti tal-Isptarijiet sar biss sabiex il-Maltin u l-Għawdxin jiġu misruqin għal skapitu tal-barranin frodisti b’kollużjoni mal-Gvern Laburista.
Hu sostna kif Robert Abela iktar moħħu kif ser isalva ġildu milli kif ser iġib il-flus lura. Delia qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista iġġieled kemm felaħ biex iġib l-isptarijiet lura, u issa ser ikompli jiġġieled sabiex jiġu lura wkoll l-400 miljun ewro li ġew misruqa minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi.
Adrian Delia saħaq kif il-Labour u Robert Abela tilfu dalgħodu minħabba l-fatt li huma mhux qiegħdin fuq in-naħa tal-poplu u għalekk issa dawk kollha li serqu ser iħallsu għal għemilhom.
Hu kompla jgħid li issa rridu nsarfu dawn ir-rebħiet fil-Qorti f’kisba għal poplu – b’hekk il-Partit Nazzjonalista ser ikompli jissaħħaħ sabiex isaħħaħ il-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>