Kummerċ Lokali

Melita tgħin lill-parteċipanti tal-Lifecycle jibqgħu konnessi fin-Nofsinhar tal-Afrika

Melita Business – il-fornitur ewlieni tat-telekomunikazzjoni lin-negozji f’Malta – għal darb’oħra appoġġja il-Lifecycle Challenge permezz tal-provvista ta’ SIM cards u konnetività ta’ data għaċ- ċiklisti u t-tim ta’ appoġġ. Din is-sena, il-parteċipanti marru bir-rota minn Gaborone fil-Botswana sa Cape Town, fl-Afrika t’Isfel.

Imsejjaħ “Journey of Good Hope”, il-vjaġġ ta’ 2,000 kilometru ta’ din is-sena tul id-deżert tan-Nofsinhar tal-Kalahari u ‘l isfel lejn il-famuża Garden Route, lejn il-Cape of Good Hope, ġabar kemm fondi kif ukoll żied l-għarfien għal dawk l-individwi li jbatu minn insuffiċjenza renali. Il-LifeCycle Foundation, l-unika karità f’Malta ddedikata biex tappoġġja lill-pazjenti tal-kliewi organizzat sfidi li qasmu 53 pajjiż differenti minn meta twaqqfet fl-1999. Dawn ġabru kważi €4 miljun.

Malcolm Briffa Chief Officer, Business and IoT ta’ Melita qal: “Il-Lifecycle Foundation ilha tappoġġja pazjenti li jsofru minn insuffiċjenza renali, kif ukoll riċerka xjentifika dwar il-kawżi tagħha u l-kura possibbli, għal 25 sena. Ninsabu kuntenti li nistgħu ngħinu liċ-ċiklisti, billi nżommuhom f’kuntatt mat-timijiet ta’ appoġġ tagħhom fl-Afrika t’Isfel kif ukoll mal-ħbieb u l-familjari tagħhom f’Malta u madwar id-dinja.”

Minbarra l-konnettività pprovduta minn Melita Business waqt l-isfida t’10 ijiem ta’ ċikliżmu, il-Melita Foundation għamlet donazzjoni lir-Renal Unit biex tkopri l-ispiża ta’ waterproof covers tal-kateter.