“Pajjiżna jeħtieġ bidla u jeħtieġ Gvern li jonfoq flus il-poplu b’mod għaqli għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jkompli jistinka sabiex dan iseħħ; b’din il-bidla hija biss possibbli jekk il-poplu jkun parti minn din il-bidla.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-protesta li saret it-Tnejn filgħaxija quddiem il-Parlament bit-tema ‘Frodi biss Frodi spiss.’
B’referenza għall-aħħar skandlu li xxokja pajjiż – dak li jinvolvi l-eks Ministru Clayton Bartolo, il-mara tiegħu Amanda Muscat u lill-Ministru Clint Camilleri – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa każ li fih l-abbuż ta’ poter, klijenteliżmu, frodi, nuqqas ta’ etika, gideb u illegalità laħqu quċċati ġodda. Huwa fakkar kif dan il-każ mhuwiex iżolat imma huwa ħolqa oħra f’katina ta’ serq ta’ flusek, abbuż ta’ poter, ħabi, klijentelizmu u protezzjoni tal-ħażen. Katina li ilha titwal ħdax -il sena.
Apparti minn hekk matul id-diskors tiegħu Bernard Grech semma’ numru ta’ skandli oħra li seħħew taħt Gvern Laburista fosthom:
- Iffrodaw lill-batut fil-każ tar-racket biċ-ċertifikati foloz
- Serqu €400 miljun mill-isparijiet u l-pazjenti
- Iffrodaw lill-pajjiz b’racket fl-aġenzija Identita
- Taw u għadhom qed jaghtu kuntratti ta’ eluf kbar lill-individwi li l-unika kwalifika li għandhom hi li huma tal-qalba
- Kellna lill-Ministru għal Ghawdex tagħti biċċa xogħol fantażma lis-sieħeb tagħha
- Kellna Ministru ieħor għal Għawdex li fil-ġnien tal-villa tiegħu inqabad li kellu oġġett storiku
- Inkixfet racket ta’ korruzzjoni fl-eżamijiet tal-liċenzji tas-sewqan
- Racket oħra fl-overtime u t-tickets fil-Korp tal-Pulizija
- Ħolqu atmosfera fil-pajjiż li wasslet biex tinqatel ġurnalista.
- Membru Parlamentari Laburista li llum reġgħet iddaħħlet fil-partit tistqarr li fil-Gvern kulħadd jitħanżer.
Bernard Grech sostna li Robert Abela jagħmel U-turn f’kull sitwazzjoni li jsib quddiemu bl-aħħar U-turn li għamel tkun fl-iskandlu ta’ Clayton Bartolo, Clint Camilleri u Amanda Muscat. Huwa fakkar li l-ewwel Robert Abela qal li Clayton Bartolo m’għandux għalfejn jirreżenja iżda mbagħad biddel fehmtu kompletament. Dan hekk kif keċċa lil Clayton Bartolo mill-Kabinett kif ukoll mill-Partit Laburista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar is-sentenza storika li ngħatat it-Tnejn filgħodu mill-Qorti tal-Appell u fissirha bħala rebħa lill-poplu. Hawnhekk, huwa fakkar li Gvern Laburista ħadilna tliet sptarijiet u tahom lill-barranin dan filwaqt li ffrodawna €400 miljun.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li pajjiżna jeħtieġ bidla għall-Gvern li jonfoq flus il-poplu Malti u Għawdxi b’mod għaqli u ħadd ma jkollu għalfejn iħallas prezz għoli għall-korruzzjoni. Huwa aċċenna li l-bidla hija meħtieġa biex frodi biss u frodi spiss tinbidel f’ġid biss u ġid spiss.
//= $special ?>