Raġel ta’ 37 sena ġie akkużat li ta fastidju sesswali lil studenti fil-Campus Hub inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati. Suhas Umesha, student tal-Masters ta’ 37 sena, allegatament segwa u mess lill-istudenti kontra l-volontà tagħhom.
Id-difiża ma talbitx il-ħelsien mill-arrest, u kkwotat in-nuqqas ta’ residenza alternattiva tal-akkużat, u l-qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni għall-vittmi. Ħareġ li fl-1 ta’ Diċembru li għadda, ħames studenti rrappurtaw li kienu qed jiġu fastidijati sesswalment minn raġel,
Qal li dan kien Suhas Umesha, u li dawn l-atti seħħew fil-Campus Hub. Spjegaw li kienu ilhom jafuh xi ftit u li kien jgħix fil-ħames sular u mbagħad mar jgħix fit-tielet sular fir-residenza tal-Campus Hub. L-ispettur li ta rakkont ta’ dak li ġara u qal li waħda mill-istudenti rrapportat li r-raġel staqsa jekk għandhiex għarus.
F’każ ieħor, l-istudenti żiedu jgħidu li kienu marru jixtru affarijiet minn supermarket, fejn ir-raġel kien segwihom u mess lil wieħed mill-istudenti lejn in-naħa t’isfel tad-dahar. Apparti dan, ingħad li il-Ħadd stess waħda mill-ħames studenti kienet irrapporta li r-raġel ipprova jbewwes fiha u qabdilha sidirha.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati, u d-difiża tiegħu ma talbitx il-ħelsien mill-arrest tiegħu għax m’għandux residenza alternattiva. Id-difiża staqsiet lill-Qorti jekk hux possibbli li l-akkużat isegwi l-istudji tiegħu online, peress li kien qed isewgi kors tal-Masters fl-Amministrazzjoni u t-Turiżmu fl-Università ta’ Malta.
Barra minn hekk, id-difiża talbet li l-akkużat jingħata ordni ta’ trattament biex jindirizza problema tax-xorb li qed jiffaċċja. Il-prosekuzzjoni talbet li tingħata ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi. Fid-dawl li f’dan l-istadju ma ntalbitx il-libertà proviżorja, il-Qorti ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat u laqgħet l-ordni ta’ trattament mitlub mid-difiża.
Il-Qorti rrakkomandat ukoll li l-ħabs jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex l-akkużat ikompli l-istudji tiegħu waqt li jkun detenut. Barra minn hekk, il-Qorti, fuq talba tad-difiża, ordnat li, qabel ma l-akkużat jiġi skortat lejn il-Faċilità Korrettiva, jingħata l-possibbiltà li jiġbor l-affarijiet personali kollha tiegħu mill-post ta’ residenza tiegħu fil-Campus Hub.
L-Avukat Cynthia Tomasuolo għall-Avukat Ġenerali, u l-Ispettur Michael Vella għall-Kummissarju tal-Pulizija mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Chantelle Chetcuti u l-prokuratur legali Mario Tonna kienu jagħmlu parti mi-difiża.
//= $special ?>