Lokali

“Robert Abela jibqa’ jipprova jgħaddi lill-poplu biż-żmien” – PN

Il-Gvern jipprova jqarraq dwar sentenza tal-Qorti li tat raġun lill-PN biex jinġiebu lura flus il-poplu għall-isptarijiet

Il-Qorti dalgħodu kkonfermat li l-Avukat tal-Istat għandu kull dritt jiftaħ kawża biex jinġiebu lura flus il-poplu mingħajr id-direzzjoni ta’ ħadd, inkluża dik tal-Prim Ministru.

Hekk sostna l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fejn spjega li Robert Abela mhux talli ma fetaħx il-kawża hu biex jinġabru lura l-flus tal-poplu, imma talli mar riedx li l-Avukat tal-Istat jibda dawn il-proċeduri. Anzi mar il-Qorti hu biex jipprova jwaqqaf il-kawża li fetaħ il-PN ħalli l-Gvern ma jkunx jista’ jwaqqaf lill-Avukat tal-Istat milli jieħu azzjoni minn jeddu.

Imma l-Qorti llum ikkonfermat li l-Avukat tal-Istat jista’ jmexxi mingħajr ma jistenna direzzjoni mingħand Robert Abela.

Fejn ħaddieħor ried jibqa’ jipproteġi lill-frodisti, illum il-Qorti tat rebħa oħra lill-poplu, wara ġlieda li qatt ma kellha tkun.

Din il-ġlieda kellha ssir wara li l-Gvern Laburista ffroda lill-poplu bil-bejgħ tal-isptarijiet. Din il-ġlieda kellha ssir għax anke wara li ffroda lill-poplu, il-Gvern Laburista kompla jipprova jipproteġi lill-frodisti minflok għamel minn kollox biex iġib lura flus il-poplu.

Robert Abela ta’ kuljum jibqa’ jipprova jipproteġi lil min jisraq u min jiffroda lill-poplu minflok lill-poplu. Tant irid jibqa’ jipproteġi lill-frodisti li llum Robert Abela wara s-sentenza tal-Qorti pprova jqarraq u permezz ta’ stqarrija li ħareġ ipprova jagħti l-impressjoni li l-Qorti kienet tat xi rebħa lilu.

Robert Abela jridha dejjem tgħaddi tiegħu, u meta ma tgħaddix tiegħu jipprova jgħaddi ż-żmien bil-poplu u jbellagħielu li taparsi rebaħ hu.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħmel il-ġlidiet għall-poplu kontra l-frodi tal-Gvern ta’ Robert Abela.

Hu għalhekk li llejla l-poplu Malti se jinġabar fil-Belt Valletta għall-protesta quddiem il-Parlament fis-6pm biex jingħaqad ma’ din is-sejħa tal-PN. Illejla l-poplu se juri lil Abela li jinsab imxebba’ bil-Gvern ta’ Robert Abela…Gvern ta’ frodi biss, frodi spiss.