Lokali

Saviour Balzan jistqarr li Abela qed jaħseb li l-Milied u t-timpana se jsolvu kollox

Robert Abela qed jitlob li l-Milied u t-timpana jsolvu kollox. U li l-festi jistgħu jtemmu l-frustrazzjoni li spiċċa nbela’ fiha l-Labour.

Hekk stqarr il-preżentatur Savior Balzan fil-MaltaToday, permezz ta’ artiklu li kompla jitfa’ dubji serji fuq il-leadership ta’ Robert Abela.

Balzan jiddeskrivi s-sitwazzjoni fil-Labour f’dawn l-aħħar ġimgħat bil-kelma dalma. Dan għaliex kien proprju Ministru Laburista li alluda għal dan.

Il-kriżi tal-Prim Ministru kompliet tikber wara li ġew żvelati żewġ skandli b’rabta ma’ Clayton Bartolo u l-mara tiegħu.

Saviour Balzan spjega li ħadd ma kien jemmen li Bartolo kien daqshekk stupidu, u agħar minn hekk, li emmen li għax il-flus maħmuġin kienu trasferiti f’bank, allura kienu leġittimi – bħalma ħaseb Joseph Muscat meta ħa flus minn kumpanija involuta ma’ Steward Healthcare wara li kien sforzat jirriżenja.

Intant, ġie spjegat ukoll kif is-sentiment fil-Labour kien wieħed ta’ xokk għal dawn l-aħħar żviluppi, b’kulħadd jistaqsi kif jista’ jkun li dawk li jħufu fil-kurituri ta’ Kastilja ma kenux jafu li l-FIAU u anke l-Pulizija kienu qed iżommu għajnejhom fuq Clayton Bartolo.

Saviour Balzan insista li dan l-iskandlu minkejja li ma kienx kbir bħalma kien tal-Vitals – huwa wieħed illi juri abbuż sfaċċat. U ħoloq inkwiet kbir fil-qalba tal-Labour.