Lokali

Skiet totali mill-Eks Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef

L-eks Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef fl-ebda ħin ma ħareġ jiċħad il-fatti li żvela l-Partit Nazzjonalista. Dan wara d-diskors insensittiv tal-Ħadd mill-Prim Ministru Robert Abela, li fid-diskors tiegħu żeffen fin-nofs il-mewta ta’ Karl Gouder waqt li kien qed jindirizza lill-partitarji tiegħu.

Fil-fatt meta kien Għawdex, waqt id-diskors, kien Robert Abela li b’mod insensittiv prova jiskurja punti politiċi billi rikeb fuq il-mewta traġika ta’ Karl Gouder.

Fost għajjat isteriku u attakki politiċi, Robert Abela qal li kien il-Partit Nazzjonalista li tefgħu f’nassa u sforzah jidher quddiem il-Maġistrat inkwerenti, fl-inkjesta maġisterjali li qed issir b’rabta ma’ dan il-każ.

Kien fid-dawl ta’ dan li l-Partit Nazzjonalista ppubblika l-verità kollha dwar dak li seħħ f’laqgħa li saret bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.

Fejn Daniel Micallef, dak li kien Deputat Mexxej tal-Labour, kien preżenti.

F’dik il-laqgħa – kif żvela l-Partit Nazzjonalista – Daniel Micallef kien qal li huwa qiegħed jifhem li l-mewta traġika ta’ Karl Gouder kienet riżultat ta’ “extortion” – li jfisser theddid li jinvolvi flus.

Għal dan il-kliem, Robert Abela qabeż minn fuq is-siġġu u filwaqt li pponta subgħajh qal “Mhux fhimt! Imma hekk hu u bil-provi! Bil-provi!”.

Minkejja dak li stqarr, Abela fl-ebda waqt ma kien ħass li kellu jmur għand il-Maġistrat.

U kien għalhekk li b’sens kbir ta’ responsabbiltà, meta l-Maġistrat bagħat għall-uffiċjali tal-PN, taħt ġurament infurmawh b’dak li kien stqarr Robert Abela fil-preżenza tagħhom.

Iżda, Robert Abela, din ma niżlitlu tajjeb xejn. U prova juża dak li seħħ biex jiddevja l-attenzjoni minn fuq il-fatti skandalużi li qed iseħħu f’pajjiżna bħalissa u biex jipprova jpenġi lilu nnifsu bħala ‘vittma’.