Lokali

Fadal ħafna xi jsir biex kull individwu jkun jista’ jgħix ħajja indipendenti li tagħtih sodisfazzjon – PN

F’pajjiżna għamilna passi importanti ’l quddiem fis-settur tad-diżabbiltà iżda baqa’ ħafna xi jsir sabiex kull individwu jkun jista’ jgħix ħajja indipendenti li tagħtih sodisfazzjon.

Dan qalu l-PN fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister Graziella Galea u mill-President tal-FOIPN Jamie Vella.

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabbiltà li jitfakkar kull sena fit-3 ta’ Diċembru, il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-kumplament tad-dinja fis-sejħa biex inħarsu lejn l-abbiltajiet ta’ kull persuna, minflok id-diżabbiltà, u kull persuna tingħata dak kollu li għandha dritt għalih: id-dinjità, ir-rispett, l-ewkità, l-ugwaljanza u l-opportunitajiet fost oħrajn. L-abbiltà tagħna għandha tiddefinixxi min aħna u mhux id-diżabbiltà.

It-tema ta’ dan il-jum għal din is-sena hija: “L-amplifikazzjoni tat-tmexxija tal-persuni b’diżabbiltà għal futur inklużiv u sostenibbli”. Dan jingħaqad mal-motto tan-Nazzjonijiet Uniti “Xejn Dwarna Mingħajrna”.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fir-rwol importanti li l-persuni b’diżabbiltà għandhom għal dinja iktar inklużiva u aċċessibbli fejn il-persuni b’diżabbiltà għandhom ikunu parteċipi direttament fid-deċiżjonijiet li jaffettwahom. Mill-esperjenza tagħhom stess, jistgħu jirrikonoxxu aħjar dak li mar jew sejjer tajjeb u dak li għandu jitjieb u kif jista’ jitjieb, u allura l-vuċi tagħhom tiswa ħafna.

Hemm diversi sfidi li jridu jiġu indirizzati iktar jew aħjar:

1.       Aċċessibbiltà. L-ispazji fiżiċi, speċjalment dawk pubbliċi u l-postijiet tax-xogħol, għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd filwaqt li għandu jinħoloq aċċess ikbar għad-dinja diġitali u għat-teknoloġija, speċjalment għal dawk avvanzati fl-età, ħalli tingħata l-possibbiltà lill-persuni b’diżabbiltà biex jipparteċipaw bis-sħiħ f’kull aspett tal-ħajja.

2.       Edukazzjoni. Kull tifel u tifla, sa mill-ewwel snin ta’ ħajjithom għandu jkollhom l-opportunità għall-edukazzjoni, ħalli verament ħadd ma jaqa’ lura. Permezz ta’ investiment ikbar fis-settur tal-edukazzjoni, il-bżonnijiet diversi ta’ kull individwu jistgħu jkunu identifikati u jingħata t-tagħlim tant bżonjuż minn professjonisti mħarrġa fuq dik it-tip ta’ diżabbilità partikolari.

3.       Impjieg. L-impjieg ma jagħtix biss l-indipendenza finanzjarja iżda wkoll sodisfazzjon. Mhux biżżejjed li ngħidu li hemm persentaġġ tajjeb ta’ persuni b’diżabbiltà li jaħdmu. Irridu nagħmlu iktar minn hekk u nassiguraw li l-impjieg ikun wieħed li verament jisfrutta l-abbiltajiet ta’ dik il-persuna, jagħti sodisfazzjon u mħallas sew.

4.       Servizzi. Filwaqt li hu minnu li jeżistu diversi servizzi, diversi persuni b’diżabbilità jilmentaw dwar l-iskariġġ żejjed bejn dipartiment u ieħor u dwar il-lista ta’ stennija għal diversi servizzi. Il-Partit Nazzjonalista ilu jsostni li s-servizzi għandhom jkunu taħt Ministeru wieħed sabiex niffaċilitaw il-ħajja ta’ dawn l-individwi. Barra minn hekk, minkejja li tingħata assistenza finanzjarja, din ħafna drabi ma tkunx biżżejjed sabiex persuna b’diżabbiltà verament tkun tista’ tgħix ħajja indipendenti.

F’dan il-jum, il-PN jirringrazzja lil dawk kollha li, b’xi mod jew ieħor, jagħtu s-sehem tagħhom għal titjib fis-settur tad-diżabbiltà. Mingħajr il-ħidma tant dedikata ta’ diversi nies, inkluż professjonisti, familjari u għaqdiet volontarji, l-iżvilupp u l-avvanz kontinwu tal-persuni b’diżabbiltà mhux possibbli.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’soċjetà aktar ġusta u inklużiva fejn ħadd ma jibqa’ jew jaqa’ lura; soċjetà li tagħti valur u vuċi lill-persuni b’diżabbiltà. Il-Partit Nazzjonalista hu impenjat li jtejjeb il-ħajja ta’ persuni b’diżabbiltà. Biex dan isir, flimkien, irridu nkomplu nnaqqsu l-istigma, inbiddlu l-perċezzjonijiet, inżidu l-għarfien, negħlbu l-ostakli, niggarantixxu aċċess għar-riżorsi u nassiguraw opportunitajiet indaqs għal kull individwu.