Kitba ta’ Victor Camilleri
M’hemmx dubju li l-aqwa avveniment li qatt seħħ f’pajjizna kien is-Summit bejn il-President Amerikan George H.W. Bush u l-President Sovjetiku Mikhail Gorbachev, fit-2 u t-3 ta’ Diċembru 1989.
Forsi jkun hawn min jirrimarka li t-titlu ta’ din il-kitba hu partiġjan iżda mill-ewwel irid jingħad dak li verament wassal biex is-Summit seta’ jseħħ f’pajjiżna bis-saħħa ta’ gvern tal-Partit Nazzjonalista.
Il-fatti juru li sa ma tela’ l-Gvern Nazzjonalista fl-1987, Malta kienet fil-‘ktieb l-iswed’ tal-Gvern Amerikan minħabba l-politika domestika u barranija tal-Gvern Soċjalista, l-ewwel taħt Mintoff u, imbagħad, Karmenu Mifsud Bonnici. Il-President Reagan – il-predeċessur ta’ George H.W. Bush – fi Frar 1989 kien poġġa lil Malta taħt il-lenti tal-entitajiet governattivi ta’ pajjiżu minħabba, fost l-oħrajn, ir-rabtiet tagħha mal-Unjoni Sovjetika u l-Libja, u wkoll, “its increasingly authoritasian style of government”.
L-istess President Reagan, f’Novembru 1987, kien xolja dawk id-direttivi għaliex bil-wasla ta’ gvern ġdid Nazzjonalista s-sitwazzjoni nbidlet tant li fi kliem Reagan stess “it sufficiently warrants a revision of US Policy towards Malta”.
Jiġifieri bi gvern tal-Labour, Malta ma kien ikollha qatt l-iċken ċans li l-Istati Uniti – u l-President tagħha b’mod partikulari, setgħu jagħżlu lil Malta biex fiha jseħħ Summit li matulu kellha tiżżarma l-‘gwerra bierda’. L-ebda raġuni oħra li tista’ tinġieb ma setgħet kienet il-vera raġuni għaliex is-Summit sar f’Malta.
Is-sinifikat u s-suċċess tas-Summit ta’ Malta
Dan is-Summit baqa’ kunsidrat bħala l-aktar laqgħa importanti bejn iż-żewġ superpotenzi sa mill-Konferenza ta’ Yalta fi Frar 1945 – jiġifieri f’44 sena, u dan għaliex filwaqt li f’dawk is-snin kollha r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat żviluppaw f’dik li kienet tissejjaħ il-‘gwerra bierda’, dan is-Summit ta’ Malta hu akkreditat li ġab din il-‘gwerra’ fi tmiemha.
F’messaġġ esklussiv li l-President George H.W. Bush kien bagħat lill-gazzetta Il-Mument f’Novembru 2014, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni li kienet fakkret il-25 sena mis-Summit, hu stqarr li dik il-laqgħa għenet biex jibdew ikunu indirizzati d-diversi punti li fuqhom seta’ jintlaħaq qbil bejn iż-żewġ naħat.
F’dak l-istess messaġġ, il-President Bush kien qal li s-Summit ta’ Malta kellu effett qawwi fuqu u fuq il-President Gorbachev u dan seta’ jidher fil-konferenza stampa konġunta – l-ewwel waħda tax-xorta tagħha – li saret fi tmiem il-laqgħat.
Dawk it-taħditiet, qal George Bush, kienu fetħu t-triq biex iż-żewġ pajjiżi jiftħu l-perspettivi tagħhom għal xulxin b’rieda ġenwina u sinċiera li għall-inqas jisimgħu lil xulxin mingħajr preġudizzji.
Is-Summit seħħ fid-dell ta’ ġrajja straordinarja oħra tliet ġimgħat qabel: il-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin u, eventwalment, il-kollass tar-reġimi Komunisti kollha tal-Lvant tal-Ewropa. F’dak ix-xenarju s-Summit kien iħoll u jorbot x’kienu se jkunu issa r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat u kif dawn, eventwalment, kellhom jaffettwaw il-kumplament tad-dinja.
Is-Summit ta’ Malta u dak li ħareġ minnu għadu jkun dibattut sal-lum iżda dak li dwaru jaqbel kulħadd hu li, għall-inqas, kien wassal għal bidla għall-aħjar fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat u fil-verità madwar id-dinja kollha.
Gorbachev kien wissa dwar dak li seta’ jiġri
Wisq probabbli li meta wieħed jieħu f’konsiderazzjoni l-qagħda fid-dinja bħalissa, u b’mod speċjali fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u r-Russja ta’ Vladimir Putin, malajr jista’ jaqa’ għall-konklużjoni li dak li kien inkiseb fis-Summit ta’ Malta fl-1989, kollu sar suf. U ma tlumx lil min jirraġuna hekk.
Min-naħa l-oħra, iżda, wieħed irid iżomm f’moħħu li dak li ħareġ mis-Summit kien ġab tant effetti pożittivi, l-aktar għal dawk id-diversi nazzjonijiet li, imbagħad, setgħu jieħdu r-ruħ malli sfaxxat l-Unjoni Sovjetika. Effetti li fortunatament għadhom jinħassu sal-lum.
L-Eks President Sovjetiku Mikhail Gorbachev kien fetaħ għajnejn il-mexxejja internazzjonali meta f’messaġġ lis-Sunday Times of Malta fl-2019, fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mis-Summit, kien sejħilhom biex ma jmorrux lil hemm mill-ispirtu ta’ koperazzjoni li kien tant evidenti f’dak is-Summit memorabbli bejnu u l-President George Bush.
F’dak l-istess messaġġ, Mikhail Gorbachev kien qal li s-Summit ta’ Malta kien karatterizzat minn fattur ewlieni: iż-żewġ mexxejja setgħu jħarsu f’għajnejn xulxin u b’hekk setgħu jifhmu u japprezzaw l-intenzjonijiet ġenwini tagħhom it-tnejn u li setgħu, imbagħad, iwettqu t-triq għal negozjati daqstant ieħor ġenwini.
Gorbachev kien qal li dak is-Summit kien, effettivament, ġab il-‘gwerra bierda’ fi tmiemha u, fl-istess ħin, setgħu wkoll iġibu fix-xejn snin twal ta’ konfrontazzjoni bejniethom wara perjodu daqshekk twil ta’ rivalità. “Ma nistgħux inħallu s-sitwazzjoni tmur lura u jkollna gwerra ‘bierda’ oħra,” temm Gorbachev.
George Bush miet fit-30 ta’ Novembru 2018, waqt li Mikhail Gorbachev miet fit-30 ta’ Awwissu, 2022.
Fenech Adami fl-istorja għal dejjem
Is-Summit ta’ Malta għadu jkun dibattut sal-lum kemm għal dak li seħħ f’dawk il-jiem u fiż-żmien immedjatament ta’ wara.
Ħafna jaqblu li s-summit kien deċiżiv biex infetħet paġna ġdida bejn iż-żewġ super-potenzi waqt li oħrajn jemmnu li kien għad fadal triq twila mhux ħażin lejn il-paċi fid-dinja.
Hu x’inhu hemm punt fiss. Eddie Fenech kellu parti importanti f’dan kollu: l-ewwel billi approva li s-Summit isir f’Malta u mbagħad li laqa’ personalment lil Bush u Gorbachev f’pajjiżna.
Isem Fenech Adami f’dik il-ħabta ssemma b’ġieħ madwar id-dinja kollha kif il-midja internazzjonali ffukat, anki b’kurżità, fuq dan il-pajjiż żgħir iżda dinjituż.
Illum nistgħu nifhmu aħjar għaliex Eddie Fenech Adami kien wassal biex bl-għaqal u d-direzzjoni tiegħu jġib lil pajjiżna tant fdat fil-komunità internazzjonali u b’hekk rabat ismu ma’ din il-ġrajja li kull meta baqgħet tissemma, jingħata ġieħ lil pajjiżna u lil dan il-politiku brillanti.
//= $special ?>