Il-protesti fil-Ġorġja qed ikomplu, b’dejjem aktar dimostranti qed joħorġu fit-toroq biex jipprotestaw għall-fatt li l-Gvern orjentat lejn ir-Russja għalqilhom il-bieb lejn is-sħubija fl-Unjoni Ewropea matul is-snin li ġejjin.
Fil-fatt, l-irvellijiet fit-toroq daħlu fil-ħames lejl, fost l-arresti u l-ġlied bejn id-dimostranti u l-Pulizija. Dan meta l-Gvern tal-Ġorġja qed ikun akkużat dwar aġir ‘anti-Kostituzzjonali’ wara li ssospenda l-proċess biex ir-Repubblika – li darba kienet tifforma parti mill-Eks Unjoni Sovjetika komunista – issib ‘il-post li jixirqilha’ bħala membru tal-UE.
Il-Kanada hi fost il-pajjiżi tal-Punent li jinsabu mħassbin b’dak li għaddej bħalissa fil-Ġorġja – bl-akbar inkwiet ikun dovut għall-fatt li l-pajjiż inkwistjoni jidher riesaq dejjem aktar lejn ir-Russja milli lejn il-Punent.
Jirriżulta li l-Kanada trid timponi s-sanzjonijiet kontra l-elementi – inklużi l-ogħla awtoritajiet fi Tbilisi – li qegħdin iżidu l-kampanja ta’ oppressjoni fuq min qed jipprotesta dwar ‘is-serqa tal-futur taż-żgħażagħ Ġorġjani’.
Sadanittant, il-Gvern Ġorġjan immexxi mill-Prim Ministru Irakli Kobakhidze, bl-ebda mod mhu jidher dispost biex jibdel il-pożizzjoni -– u bil-proċess tas-sħubija (tal-Ġorġja) fl-UE mistenni jibqa’ ffriżat.
//= $special ?>