Lokali Parlament

Il-gvern se jmur kontra deċiżjoni tal-qorti biex jilleġiżla favur il-GWU


Darren Carabott, PN


Ix-Shadow Minister għall-Intern Darren Carabott qal fil-parlament li l-gvern qed imur kontra deċiżjoni tal-qorti biex jilleġiżla favur il-GWU.


Fil-parlament il-gvern ressaq mozzjoni fil-parlament dwar kanċellament ta’ kundizzjoni fil-kuntratt bejn il-gvern u l-GWU dwar l-użu l-kummerċjalizzazzjoni tal-Kwartier Ġenerali tal-union fil-Belt.


Fid-dibattitu parlamentari, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li fil-Kumitat tal-Verifika, l-Oppożizzjoni ħadet il-pożizzjoni tagħha dwar din is-sitwazzjoni u qed tkun konsistenti mal-pożizzjoni tagħha.


Hu sostna li l-Oppożizzjoni se tivvota kontra din ir-riżoluzzjoni minħabba l-prinċipju fir-rigward tat-tibdil li qed jipproponi l-gvern. Din hi kundizzjoni li qed tħassar klaswola fil-kundizzjoni emfitewtika fejn kien hemm il-ftehim għaliex se tingħata din l-art.


Fost dawn kien hemm kundizzjoni partikolari li l-użu tal-artijiet jew sullokazzjoni, jista’ jsir biss minn kumpaniji li fihom il-GWU jkollha ishma li jaqbżu l-51%. Dan biex il-GWU jibqa’ jkollha kontroll tal-persuni jew kumpaniji li jagħmlu użu mill-binja. L-iskop ta’ union hu li jippromwovi t-twaqqif tal-union; il-ħaddiema.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-qorti sabet li kien hemm ksur ta’ kuntratt ta’ ċens minn union li tat sullokazzjoni li żewġ entitajiet oħra bla ma kellha d-dritt għax ma kellhiex il-kontroll ta iktar minn 51%. Hu spjega li l-art hi tal-poplu Malti u għalhekk il-kundizzjonijiet kellhom ikunu rispettati.


Din ir-riżoluzzjoni tressqet mill-gvern propju minħabba d-deċiżjoni tal-qorti u issa l-gvern irid jirregolarizza s-sitwazzjoni. Il-gvern ma ħax azzjoni dwar din is-sitwazzjoni, sostna Darren Carabott, li kompla li l-Oppożizzjoni qed tixtarr riżoluzzjoni tal-gvern għaliex ma jistax ikun li għax il-qorti annullat din is-sullokazzjoni issa s-sitwazzjoni tkun aċċettata.


Il-gvern qed jgħaddi mit-tieqa u jirregolarizza din is-sitwazzjoni. Din il-klawsola li fuqha hemm sentenza tal-qorti, li sabet ksur tal-qorti, issa se titneħħa mill-gvern. Minflok annulla dawn iż-żewġ sullokazzjonijiet, il-gvern issa qed ineħħi l-klawsola.


Darren Carabott kompla li l-PN qed isostni li l-gvern irid jirrispetta l-kundizzjonijiet tal-artijiet li jkun qed jamministra. Hu sostna li l-gvern qed jamministra art tal-poplu u kompla li l-PN kien responsabbli meta fl-2017 kien ħa pożizzjoni biex il-liġi tkun rispettata.