Il-President tal-Korea t’Isfel, Yoon Suk Yeol, ftit tal-ħin ilu kien kostrett li jagħmel u-turn wara li ddikjara liġi marzjali ta’ emerġenza, fost it-tensjoni sostanzjali fil-kapitali Seoul u madwar.
L-aħbar dwar il-liġi ngħatat waqt li l-President kien qed jagħmel diskors lill-poplu fejn qal li l-miżura kienet neċessarja biex il-pajjiż ikun protett mill-qawwiet komunisti tal-Korea ta’ Fuq. Raġuni oħra li ngħatat kienet l-impenn tal-Gvern lejn l-eliminazzjoni ta’ elementi li jingħad li qed jaħdmu kontra l-Istat mill-qalba ta’ Seoul.
Iżda d-deputati fil-Parlament ta’ Seoul, wara, ivvutaw biex jimblukkaw il-miżura tal-President u wara li l-Partit għall-Poter tal-Poplu fil-Gvern u l-Oppożizzjoni impenjaw ruħhom biex jostakolaw id-dikjarazzjoni. Dan waqt li bħalissa għadhom qed jispikkaw il-protesti barra l-bini tal-Parlament fost l-għajjat kontinwu tan-nies li ‘ma jridux il-liġi marzjali’.
Il-liġi marzjali tfisser li l-pajjiż jispiċċa amministrat mill-awtoritajiet militari waqt perjodi ta’ emerġenza u f’liema sitwazzjoni jispiċċaw anki sospiżi d-drittijiet ċivili normali. Intant, il-President Yoon, issa, ikkonferma li qed iwarrab il-liġi, sigħat biss wara li kien ħabbarha.
L-iżvilupp seħħ fi żmien meta l-Partit għall-Poter tal-Poplu mmexxi mill-President Yoon jinsab f’diżgwid profond mal-Partit Demokratiku fl-Oppożizzjoni rigward l-abbozz tal-baġit għall-2025.
Intant, il-President, aktar kmieni llum, semma speċifikament ‘it-theddida mill-Korea ta’ Fuq komunista’ u li l-awtoritajiet f’Seoul iridu akkost ta’ kollox jeqirdu lill-forzi ‘despikabbli’ li qegħdin jaħdmu kontra l-pajjiż minn ġewwa għall-interessi tar-reġim fi Pyongyang,.
Sadanittant, il-Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni, Lee Jae-myung, ikkundanna d-dikjarazzjoni tal-liġi marzjali bħala ‘pass li jmur kontra l-Kostituzzjoni’.
L-aħħar darba li l-Korea t’Isfel iddikjarat liġi marzjali tmur lura għall-1979 u wara l-assassinar tad-dittatur – u mexxej nazzjonali – Park Chung Hee. U fl-aħħar ħinijiet kien hemm il-konfronti f’Seoul bejn il-Pulizija u d-dimostranti miġburin barra l-Parlament; bl-Istati Uniti qed tosserva l-iżviluppi b’sens ta’ tħassib profond.
//= $special ?>