Lokali Parlament

Il-kultura ta’ xejn mhu xejn qed twassal għal użu ferm ikbar tad-droga fis-soċjetà


Robert Cutajar, PN


Il-Whip tal-Oppożizzjoni u Shadow Minister għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Kooperattivi, Robert Cutajar; qal fil-Parlament li l-kultura ta’ xejn mhu xejn qed twassal għal użu ferm ikbar tad-droga fis-soċjetà.

Robert Cutajar qal li Gvern Nazzjonalista ġdid ma jiftaħx idejh beraħ dwar id-droga u mhux lest jagħmel kompromessi għaliex id-droga hi zona ħamra għall-PN.

Id-deputat Nazzjonalsta qal li flimkien mal-pożizzjoni kontra l-abort, il-PN kien dejjem kontra d-droga. Din il-pożizzjoni hi msaħħa mill-esperti li jsostnu li l-mod kif il-gvern fetaħ idejh għall-użu tad-droga qed iġib problemi kbar fis-soċjetà, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-OASI ddikjarat li ż-żminijiet tal-lum huma ferm differenti għaliex hemm attitudni ta’ xejn mhu xejn tant li d-droga hi ferm aċċessibbli u tasal fid-djar faċilment. Kien għalhekk li l-PN dejjem ivvota kontra l-użu tad-droga.

Robert Cutajar kompla li l-kultura ta’ xejn mhu xejn issa daħlet fid-droga bil-gvern imur il-Parlament jitkellem fuq iċ-ċifri bla ma jindirizza l-prezz li qed iħallsu l-familji Maltin. Il-gvern ma tax kas dak li qalulu l-oganizzazzjonijiet u l-esperti u baqa’ għaddej, sostna Robert Cutajar, li qal li d-droga se jibqa’ legat negattiv fuq dan il-gvern għax il-problema qed tkompli tikber b’iktar familji jitkissru.

Robert Cutajar ikkwota lil Fr.Hilary li tkellem dwar l-effetti mentali tal-liberalizzazzjoni tal-ħaxixa. Ma’ min ried jidher sabiħ il-gvern meta adotta din il-politika li qed twassal għal dawn il-problemi? staqsa Robert Cutajar, li kompla li l-PN ma jiddejjaqx jitkellem fuq il-valuri. Dan għaliex il-pajjiż għandu dawn il-problemi għax rema’ l-valuri li dejjem kellu fis-soċjetà.

Jirriżulta minn stħarriġ li fl-2022 il-Caritas iddikjarat li kellha l-akbar ammont ta’ persuni li fittxew l-għajnuna iżda fl-2023 dak l-ammont żdied b’9%. Dan filwaqt li qed ikun hemm żieda fil-persuni li jużaw il-kokaina. Fit-28 ta’ Novembru 2024 sar stħarriġ fost 500 Malti u mal-pajjiż tal-UE li stabbilixxa li 40% tal-poplu Malti jaf li żdiedet id-droga fil-pajjiż. Jirriżulta wkoll li Malta hi r-raba’ l-iktar pajjiż fl-UE li hu inkwetat minħabba ż-żieda fl-użu tad-droga. Dawk li qed imorru jfittxu l-għajnuna, fil-fatt qed jiżdiedu wkoll.