Lokali

Il-Ministru Attard jiddeskrivi l-iskandlu ta’ Bartolo bħala “sitwazzjoni spjaċevoli”

Gvern mifni bi skandli. U b’deputati Laburisti li qed iduru għal xulxin. Sostna dan ix-Shadow Minister Darren Carabott waqt diskussjoni fil-programm ‘Xtra’ hekk kif spjega li preżentament qed ngħixu sitwazzjoni surreali fejn Ministru kellu jirriżenja mhux minħabba li l-mara tiegħu rċeviet aktar minn €70,000 ta’ xogħol li m’għamlitx, iżda fuq akkużi separati – allegazzjonijiet ta’ tixħim u kickbacks ta’ eluf ta’ ewro oħrajn.

Ironikament il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard insista li l-Labour tratta din is-sitwazzjoni b’responsabbiltà u ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda spjaċevoli.

Fl-istess programm, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino staqsa x’responsabbiltà politika refa’ l-Ministru Clint Camilleri li kien qed iħaddem lill-mara ta’ Clayton Bartolo mingħajr ma qatt ħadmet mal-Ministeru għal Għawdex.

Mistieden fuq il-programm kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Labour LeoniD McKay, li fl-interventi li għamel, l-ewwel kien infurmat ħażin hekk kif saħaq li f’25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista ħadd ma rriżenja b’rabta ma’ etika – fatt skorrett għaliex kien hemm tliet deputati li rriżenjaw u li t-tlieta li huma nstabu li kienu innoċenti. Imbagħad mistoqsi dwar il-kredibbiltà tal-Labour wara dawn l-iskandli kollha, hu semma biss il-budget.

Intant, mistoqsi dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Appell b’rabta mal-frodi tal-Vitals, il-Ministru Attard ikkonferma li l-Avukat tal-Istat jista’ jaġixxi biex iġib flus il-poplu lura.

Madanakollu baqa’ jiddefendi l-aġir tal-Gvern u jisħaq li l-Labour qed jagħmel dak kollu possibbli biex iġib il-miljuni ta’ ewro lura.

Kien hawnhekk li x-Shadow Minister Darren Carabott staqsa fejn kien Gvern Laburista matul is-snin li l-pajjiż baqa’ jinsteraq.

Huwa temm jgħid li din is-sentenza tkompli tikkonferma kif Gvern spiċċa jbigħ tliet sptarijiet lil persuni mingħajr esperjenza u baqa’ jimpala miljuni ta’ ewro lil nies li ma kenux qed jagħtu xogħol lura.