Lokali Qorti

Il-Qorti teħles żewġ sewwieqa minn akkużi li darbu persuni li ttajjru waqt li kienu qed jaqsmu

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ma sabitx ħatja żewġ sewwieqa li f’inċidenti separati tajru u darbu gravi lil min kien qed jaqsam it-triq. L-ewwel inċident kien seħħ fl-10 ta’ Settembru 2021 fi Triq il-Ferrovija f’Santa Venera.

John Borg ta’ 64 sena kien mixli li b’sewqan traskurat laqat u darab gravi lil raġel li kien qed jaqsam it-triq. F’dan il-każ il-Qorti nnotat li minkejja li t-triq hija traffikuża, il-vittma ma’ kienx qasam minn fuq iż-‘zebra crossing’ li kien hemm fil-viċin, u għalhekk kien hu li ħoloq l-problema u l-emerġenza.

It-tieni inċident seħħ ftit tal-jiem wara – fil-21 t’Ottubru tal-2021 fi Triq ix-Xatt f’Tas-Sliema. Trevor Buttigieg ta’ 66 sena kien akkużat ukoll li laqat u darab gravi lil raġel li kien qed jaqsam it-triq. Il-Qorti osservat kif il-vittma kien ma’ persuna oħra fuq central strip, li xehed kif huwa għażel li ma jaqsamx għax induna li mhux se jilħaq jasal san-naħa l-oħra.

Il-Qorti żiedet tosserva li l-vittma kien qasam minn bejn l-arbuxelli, u li ma kienx uża l-pelican lights jew iż-zebra crossing, u għalhekk l-inċident kien seħħ tort tiegħu. L-allegat vittma seta’ għamel bħal persuna l-oħra u l-inċident kien jiġi evitat.