Internazzjonali

In-NATO qed taħseb fuq l-għajnuna militari lill-Ukrajna qabel Trump jassumi l-Presidenza fl-Istati Uniti

L-Istati alleati tan-NATO jinsabu ħerqanin biex isaħħu d-difiżi tal-Ukrajna qabel Donald Trump jieħu r-riedni tal-Istati Uniti bħala l-President-elett…Żvilupp li għandu jkun konkluż fl-20 ta’ Jannar li ġej.

Is-Segretarju-Ġenerali tal-Alleanza, Mark Rutte, qal li din l-għajnuna hi importanti ħafna biex l-Ukreni jwaqqfu l-avvanzi tat-truppi Russi fl-artijiet ta’ pajjiżhom.Hu kompla li jkun biss ladarba l-Ukreni jispiċċaw aktar stabbli minn kunċett ta’ difiża li jistgħu jsiru t-taħditiet relatati ma’ ftehim għall-paċi potenzjali bejn l-Ukrajna u Moska.

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin mit-32 Stati-membri tan-NATO qed jiltaqgħu fi Brussell għas-summit ta’ jumejn tal-Alleanza – bl-Ukrajna tispikka fuq l-aġenda tat-taħditiet.

Rutte qal li l-aktar ħaġa kruċjali għall-Alleanza hu li din taċċerta li l-Ukrajna, ladarba tissieħeb f’taħditiet għas-saħħa, tkun f’pożizzjoni ta’ saħħa minn aspett militari. Hu kompla li l-Ukrajna, f’dan l-istadju, ma għandhiex bżonn ta’ aktar ideat dwar it-tfassil ta’ kwalunkwe ftehim għall-paċi

In-NATO għandha tevalwa kif l-Ukreni għandhom jirċievu aktar sistemi ta’ difiża għal kontra l-attakki bil-missili tar-Russja, flimkien ma’ mezzi għall-koordinazzjoni aħjar tal-għajnuna militari mingħand il-Punent lill-qawwiet tal-President Ukren Volodymyr Zelensky.

Dan is-summit tan-NATO hu l-aħħar wieħed li qed jattendi għalih Antony Blinken bħala s-Segretarju tal-Istat Amerikan – u qabel tibda l-Presidenza ta’ Donald Trump, fl-Istati Uniti.

Donald Trump ilu jgħid li, fil-kapaċità tiegħu bħala President, jista’ iwaqqaf il-gwerra fl-Ukrajna ‘fi kwistjoni ta’ ġranet’ …Stqarrija li qed tqajjem l-inkwiet li Washington jista’ jnaqqas sew mill-appoġġ militari lill-Ukrajna minbarra li jimponi l-kundizzjonijiet li jaffettwaw ħażin lill-Ukreni peress li huma jkollhom jaċċettaw it-telf tal-art lir-Russja bħala parti minn patt għall-paċi.

Il-gwerra fl-Ukrajna — li ilha għal aktar minn 1,000 jum mindu l-ewwel truppi u tankijiet tal-gwerra tar-Russi daħlu fl-artijiet ta’ dan il-pajjiż — tidher li, fil-preżent. qed ixxaqleb ftit, ftit, favur ir-Russja. Fl-istess ħin, qed jidher li staġnat l-offensiva li l-militar Ukren ilu jwettaq għal dawn l-aħħar xhur fir-reġjun Russu ta’ Kursk.