Il-qawwiet ta’ Iżrael wettqu sensiela ġdida ta’ bumbardamenti u attakki mill-ajru fuq il-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah ftit wara li dawn ibbumbardjaw bażi tal-Armata f’artijiet mal-fruntiera li huma kuntestati bejn iż-żewġ naħat.
Ħadd ma weġġa f’dan il-bumbardament, madankollu l-iżviluppi qed jipperikolaw bil-kbir il-ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn l-Iżraeljani u l-Ħeżbollah…Ftehim li ntlaħaq wara daqstant intoppi u li suppost li jrid jibqa’ validu għal aktar minn xahrejn oħra.
Fil-fatt, Iżrael wissa li l-aħħar aġir mill-Ħeżbollah jikkostitwixxi abbuż ta’ dan il-ftehim waqt li fakkar li l-qawwiet tiegħu dejjem irriservaw id-dritt għal aktar azzjonijiet militari f’sitwazzjoni fejn il-milizji Xiti, alleati tal-Iran, jirrikorru mill-ġdid għall-isparar ta’ missili fuq il-komunitajiet Iżraeljani viċin il-fruntiera mal-Libanu.
Intant, f’dawn l-azzjonijiet, inqatlu għaxar persuni fin-nofsinar tal-Libanu…Dan fost l-akbar azzjonijiet mill-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani mindu Iżrael u l-Ħeżbollah, jiem ilu, qablu biex jikkonkludu 13-il xahar ta’ konflitt.
Il-militar Iżraeljan qal li l-attakki konċentraw fuq il-bażijiet tal-ġellieda Xiti u l-infrastruttura militari tal-Ħeżbollah…Dan ukoll fost it-twissijiet lill-Gvern Lebaniż biex ‘jikkontrolla l-attivitajiet ostili tal-milizji Xiti’.
L-ajruplani ta’ Iżrael laqtu talanqas 11-il zona fin-Nofsinar tal-Libanu matul il-lejl tat-Tnejn, fosthom l-ibliet ta’ Haris u Tallousseh u fejn kienu konfermati diversi vittmi u midruba.
L-Iżraeljani laqtu anki l-inħawi ta’ Berghoz fejn hemm is-siti tal-missili tal-Ħeżbollah u bil-kelliema f’Tel Aviv isostnu li l-attakki kienu parti minn strateġija għal kontra ‘il-faċilitajiet tat-terroristi’
Min-naħa tagħha, l-Istati Uniti – li flimkien ma’ Franza kienet sponsorjat il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied – qalet li l-ftehim inkwistjoni, fil-parti kbira, għadu effettiv u minkejja xi inċidenti ta’ vjolenza.
Il-Ħeżbollah, permezz tal-ftehim, kien ingħata ċans sa 60 jum biex itemm il-preżenza tal-milizji fl-artijiet bejn il-Linja l-Blu – il-fruntiera mhix uffiċjali bejn il-Libanu u Iżrael – u x-Xmara Litani, li tinsab xi 30 klometru fid-direzzjoni tat-Tramuntana.
Intant, il-qawwiet Iżraeljani huma obbligati li jirtiraw mill-inħawi fl-istess perjodu – u meta suppost li posthom jieħduh is-suldati tal-Armata Lebaniża u l-membri tal-kontinġent tat-truppi tan-Nazzjonijiet Uniti għaz-zamma tal-paċi.
//= $special ?>