Il-provi fil-każ ta’ Roderick Cassar ta’ 44 sena mill-Imqabba mixli li fit-22 ta’ Novembru 2022 qatel lil martu b’tiri ta’ arma tan-nar f’Kordin, issa huma kompletament magħluqa u għalhekk l-istennija issa hija għal meta se jiġi appuntat il-ġuri, anke jekk il-mira hi li jsir lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla.
Il-prosekuzzjoni u d-difiża issa lestew is-sottomissjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-każ jitqajmu diversi punti legali ta’ qabel il-ġuri. Waqt seduta quddiem l-Imħallef Neville Camilleri, l-Avukat Marita Pace Dimech li qed tidher għan-nom tal-familja ta’ Bernice Cassar, infurmat lill-Qorti li l-parte civile flimkien mal-prosekuzzjoni jinsabu lesti għal ġuri.
Bernice Cassar nqatlet b’żewġ tiri ta’ senter, wieħed f’wiċċha u ieħor f’sidirha wara l-kampus tal-MCAST qrib iz-zona industrijali ta’ Kordin hekk kif kienet sejra għax-xogħol. Żewġha ġie arrestat wara 17-il siegħa ta’ negozjati delikati mill-Pulizija wara li r-raġel beda jhedded lill-uffiċjali li se jneħħi ħajtu bl-istess arma li biha allegatament qatel lil martu.
Il-loġistika u n-nuqqas ta’ spazju li hemm fil-Qorti jagħmilha diffiċli biex il-ġurijiet isiru b’mod regolari. L-unika awla li hija tajba biex fiha jsir il-ġurijiet hija awla numru 22. Ġieli saru ġurijiet f’awla numru 14 iżda din hija ferm ristretta u ma hemmx fejn joqogħdu biżżejjed ġurati, il-media u l-avukati waqt xi proċess.
L-awla ġdida li nbniet dan l-aħħar ukoll mhux tajba għall-ġurijiet fejn m’hemmx post għall-ġurati kollha, għall-membri tal-media u lanqas hemm power points biex wieħed jaħdem bil-kumdità kollha. Issa għalhekk wieħed irid jistenna meta l-ġuri ta’ Cassar se jiġi appuntat.
Bħalissa hemm madwar 80 ġuri pendenti u jidher li ftit qed jittieħdu miżuri biex dawn il-problemi jissolvew.
Fil-każ ta’ Roderick Cassar il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Angele Vella f’isem l-Avukat Ġenerali. Roderick Cassar qed jidher assistit mill-Avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi filwaqt li għal familja tal-vittma qed tidher l-Avukat Marita Pace Dimech.
//= $special ?>