Il-Prim Ministru Robert Abela mhuwiex juża l-istess riga politika bejn id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar u l-mara tal-Ministru Clayton Bartolo.
Dan jirriżulta minn informazzjoni li l-Prim Ministru ta għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.
It-tweġiba tal-Prim Ministru tfisser li Rosianne Cutajar mhijiex se tirrifondi lura s-€27,000 li ħadet minn konsultazzjoni fantażma li kienet ħadet mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Fil-każ tal-mara tal-ex Ministru Clayton Bartolo, kienu rifondati€16,000 minn Amanda Muscat, il-mara tal-ex Ministru Bartolo li wkoll kienet ħadet konsulenza fantażma mal-Ministeru għal Għawdex.
Il-Prim Ministru qal lid-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) qatt ma rrakkomanda li Rosianne Cutajar kellha tirrifonda l-flus li ħadet. Wara r-rapport tal-NAO, Rosianne Cutajar kienet tkeċċiet mill-Grupp Parlamentari Laburista. L-NAO kien ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda evidenza li Rosianne Cutajar għamlet xi xogħol ta’ konsulenza minkejja li tħallset eluf ta’ euros mill-ITS. L-NAO kien ikkonkluda wkoll li Rosianne Cutjar gidbet meta ma ddikjaratx dan id-dħul mill-konsulenza fid-dikjarazzjoni parlament. Għalhekk kien konkluż li l-konsulenza ta’ Rosianne Cutajar kisret ir-regoli ta’ ingaġġ mal-gvern.
Dan il-każ kien propju dak li miegħu kien hemm marbuta l-frażi ‘kulħadd jitħanżer’ f’chats bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech.
Il-pożizzjoni politika meħuda mill-Prim Ministru turi inkonsistenza fil-mod kif ħa azzjoni fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar, li llum reġgħet iddaħħlet fil-Grupp Parlamentari Laburista u l-ex Ministru Clayton Bartolo, li tneħħa jew irriżenja mill-Grupp Parlamentari. Fil-każ tal-ex Ministru Bartolo kien hemm ukoll il-każ ta’ investigazzjoni li kienet qed issir mill-FIAU fuq każ ieħor relatat mal-mara tiegħu. Dan il-każ jitratta rapporti ta’ ħlasijiet ta’ €50,000 lill-istess Amanda Muscat minn kuntratt tal-MTA.
Minkejja li Amanda Muscat ħadet konsulenza fantażma ta’ €68,000 mill-Ministeru għal Għawdex, hi rritornat biss €16,000. Wara li nqabad f’dan il-każ, l-ex Ministru Bartolo kien għamel apoloġija iżda l-Ministru Clint Camilleri m’għamel ebda ammissjoni jew ammetta nuqqas bil-Prim Ministru ma jieħu l-ebda passi effettivi.
Il-Ministru Clint Camilleri u l-ex Ministru Bartolo kienu nstabu ħatja li kisru l-Kodiċi ta’ Etika fil-Ħajja Pubblika u li abbużaw mill-poteri tagħhom fil-konsulenza fantażma ta’ €68,000 lill-mara tal-ex Ministru Clayton Bartolo.