Lokali

Robert Abela b’kejl differenti anki bejn deputati Laburisti fuq l-iskandli


Claudette Buttigieg, PN

Meta kienet qed titkellem fl-Aġġornament tal-Parlament, ix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg qalet li l-Prim Ministru hu inkonsistenti u biex isalva ġildu qed jimxi b’kejl differenti bejn id-deputati nnfushom fuq l-iskandli li dawn wettqu.

Hi semmiet il-każ ta’ Clayton Bartolo li l-Prim Ministru neħħih mill-Grupp Parlamentari Laburista u qalet li dan b’kuntrast ma’ kif kienu trattati Clint Camilleri u Rosianne Cutajar li rriżenjat biss wara pressjoni pubblika kbira

Claudette Buttigieg trattat ir-riżenja ta’ Clayton Bartolo li kienet akkumpanjata minn dikjarazzjoni tal-Prim Ministru dwar ir-responsabbiltà u t-trasparenza u qalet li dan sar b’kuntrast mal-każ ta’ Justyne Carauana li rriżenjat fuq impjieg lil ħabib tagħha wara rapport dwar l-etika fuq impjieg li dan ingħata.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab lil Clayton Bartolo u Clint Camilleri ħatja ta’ ksur ta’ etika li wassal għar-riżenja ta’ Bartolo. Dan b’kuntrast ma’ Rosianne Cutajar fil-każ tal-ftehim dwar il-propjetà li kienet involuta fih. Fil-każ ta’ Clint Camilleri, il-Prim Ministru qed jibża’ jieħu passi kontrih. Għaliex? staqsiet id-deputat Nazzjonalista.

Dwar ir-riperkussjonijiet finazjarji, Claudette Buttigieg qalet li Amanda Muscat kienet ordnata tħallas il-ħlasijiet eċċessivi li ħadet biex taparsi kien hemm impenn. Dan b’kuntrast ma’ Rosianne Cutajar li ħadet ħlas minkejja l-iskandlu li kienet involuta fih. Rosianne Cutajar ħadet ukoll €28,000 wara li rriżenjat. Fil-fatt, il-flus li ħadet ma tathomx lura anzi tawha €28,000 oħra talli rriżenjat. Fil-Parlament il-Prim Ministru ddikjara li Rosianne Cutajar ma kellhiex bżonn tirrifondi dawn il-flus.

Il-konsegwenzi politiċi juru li l-Prim Ministru pprova jidher li kellu juri iktar saħħa ma’ Clayton Bartolo iżda dan m’għamlux fil-każ ta’ Justyne Caruana tant li din issa marret anki f’attività Laburista l-Ħadd li għadda.

Dwar il-fiduċja, Claudette Buttigieg qalet li l-Prim Ministru hu dahru mal-ħajt u qed jipprova jagħti l-impressjoni li l-gvern qed jipprova jirrestawra l-fiduċja pubblika wara t-tneħħija ta’ Clayton Bartolo. Dan b’kuntrast mal-każi ta’ Justyne Caruana u Rosianne Cutajar fejn il-Prim Ministru kien laxk. Dan juri kemm il-Prim Ministru qed jitratta wieħed mill-iskandli ta’ bħalissa b’mod differenti minn xulxin anki bejn l-istess deputati Laburisti.