Sport Waterpolo

Valletta jkomplu jiġbru aktar punti…din id-darba jirbħu kontra San Ġiljan bl-għoti tal-penalties

VALLETTA IZIBET………………….. 13

SAN ĠILJAN JP PROJECTS………. 13

(3-1), (6-5), (2-5), (2-2)

(Valletta rebħu 5-4 bl-għoti tal-penalties)

Żewġ punti oħra għal Valletta Izibet f’dik li ċertament hi l-aħjar edizzjoni għalihom minn meta bdiet tintlagħab l-Enemed Cup. Il-Beltin reġgħu ħarġu rebbieħa bl-għoti tal-penalties din id-darba kontra San Ġiljan JP Projects għalkemm skont l-andament tal-logħba, setgħet tasal rebħa fil-ħin regolamentari. San Ġiljan fost l-oħrajn kienu mingħajr il-gowlkiper Jake Tanti u l-captain Matthew Zammit.

Valletta kellhom l-aħjar bidu possibbli u bnew vantaġġ ta’ tliet gowls permezz ta’ doppjetta ta’ Ivan Nagaev u gowl bejniethom ta’ Max Zammit. San Ġiljan naqqsu d-distakk b’gowl minn man-up ta’ Nikolai Zammit.

It-tieni sessjoni kienet aktar movimentata bil-Beltin dejjem żammew il-vantaġġ u wieġbu kull darba li l-Ġiljaniżi naqqsu d-distakk. Nagaev u Matthew Mifsud għal Valletta u Jeremy Abela għal San Ġiljan kollha skorjaw doppjetta kull wieħed.

Il-folja nqablet fit-tielet sessjoni hekk kif it-tielet fawl personali għal Ivan Nagaev u Max Zammit ħallew lil Valletta b’anqas saħħa fit-tim. San Ġiljan ħadu vantaġġ u rkupraw żvantaġġ ta’ erba’ gowls permezz ta’ Ben Plumpton u tripletta konsekuttiva ta’ Nikolai Zammit.

Il-Ġiljaniżi ma rnexxielhomx imorru fil-vantaġġ fl-aħħar sessjoni u saħansitra kienu fi żvantaġġ ta’ 13-11. Madankollu kien Nicholas Bugelli li skorja darbtejn biex il-logħba kellha tkun deċiża bil-penalties. Id-differenza hawn seħħet meta l-gowlkiper ta’ Valletta Andrew Bugeja salva t-tieni penalty Ġiljaniż mogħti minn Gabriel Bonavia.

Valletta skorjaw il-penalties kollha permezz ta’ Matthew Mifsud, Jacob Sciberras, Ken Erdogan, Mark Carani u Kieyan Borg filwaqt li Jake Bonavia, Darren Zammit, Nicholas Bugelli u Ben Plumpton skorjaw għal San Ġiljan.

Valletta: A. Bugeja, M. Mifsud (4), M. Carani, J. Sciberras, S. Busuttil (3), Z. Cutajar Licari, M. Zammit (2), I. Nagaev (4), K. Borg, K. Erdogan, M. Chircop, K. Cremona, G. Borg, L. Hyzler

San Ġiljan: M. Xerri, N. Bugelli (2), D. Tully, G. Bonavia, R. Caruana, L. Dimech, J. Bonavia, B. Plumpton (2), J. Abela (2), N. Zammit (6), D. Zammit (1), N. Schiavone, Z. Attard, N. Bonavia

Referees: Ronnie Spiteri, Richard Magri

MARSASKALA OPTIMA…………. 9

SIRENS BUILD FITNESS…………. 20

(3-5), (1-4), (3-6), (2-5)

It-tieni rebħa konsekuttiva għal Sirens Build Fitness li bħal tas-Sibt li għadda waslet faċilment. It-tim ta’ Ranko Perovic kellu l-kontroll assolut ta’ logħba li kienet kwieta b’Sirens juru li kienu l-aħjar tim mill-bidu tal-logħba.

Sirens bnew vantaġġ ta’ 5-3 fl-ewwel sessjoni permezz ta’ tripletta ta’ Jake Cachia u doppjetta ta’ Matthew Sciberras. Fit-tieni sessjoni, kienu tliet gowls konsekuttivi li qatgħu lil Sirens minn mal-avversarji u daħlu jistrieħu 9-4.

Il-logħba żammet l-istess andament b’Sirens jikkontrollaw. Fatt interessanti kien li s-sitt gowls ta’ Sirens fit-tielet sessjoni waslu kollha minn plejers differenti. Doppjetti minn Cachia u Gianni Farrugia fl-aħħar sessjoni komplew ikabbru l-marġni tar-rebħa għal Sirens.

Marsaskala: A. Muscat, D. Ciantar, T. Fenech (3), J. Pace Mizzi, J. Simpson, R. Greco, M. Agius, C. Harrison, K. Grech, G. Sammut (3), J. Ciantar (2), J. Colombo, L. Gatt, N. Spiteri (1)

Sirens: M. Bonello DuPuis, P. Serracino (1), Z. Mizzi (1), P. Borg (1), J. Cachia (6), K. Agius, M. Ortoleva (1), I. Riolo, J. Zerafa Gregory (3), G. Farrugia (3), M. Sciberras (4), M. Azzopardi, I. Schembri, A. Dimech

Referees: Stefan Licari, Juana Cauchi

Kif Jinsabu

LRDTFKPti
Sirens4310633910
San Ġiljan4310583410
Neptunes330044289
Valletta412154537
Sliema320157186
Exiles300318350
Birżebbuġa300324560
Marsaskala400423780
*Logħba li tintemm draw, tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties. It-tim rebbieħ jieħu 2 punti u t-tim tellief jieħu punt

Logħob li jmiss

L-Erbgħa 4 ta’ Diċembru: B’buġa v Neptunes 6.15pm, Exiles v Sliema 7.30pm