Lokali Qorti

Żagħżugħ li ammetta serq ta’ kalċi u serqiet oħra jkun arroganti mal-Maġistrat

Żagħażugħ ta’ 22 sena bi problema ta’ droga li ammetta żewġ serqiet li jinkludu kalċi u patena ta-deheb minn kappella ta’ skola kif ukoll li seraq minn sit ta’ kostruzzjoni ried li jingħata s-sentenza mill-ewwel sabiex ikun jaf meta se joħroġ mill-ħabs, u tant kien bla sabar li kien arroganti mal-Maġistrat li kien qed jippresedi l-kawża.

Il-Maġistrat Jean Paul Grech wissa żagħżugħ biex iġib ruħu sew u ma jkomplix iħaffer il-ħofra li kien diġa fiha. Dione Attard li qal li m’għandux saqaf fuq rasu, ammetta li wettaq żewġ serqiet wara li nqabad minn cameras tas-sigurtà jisraq oġġetti minn sit ta’ kostruzzjoni fil-Gżira.

Meta l-Pulizija identifikatu rriżultalha li kien ukoll il-persuna li seraq kalċi u patena tad-deheb mill-kappella tal-Iskola San Patrizju f’Tas-Sliema. Huwa mifhum li l-imputat għandu problema kbira ta’ droga kokaina u li jisraq biex imantni l-istess vizzju.

Il-Maġistrat Grech ordna li jitħejja pre-sentencing report minn uffiċjal tal-probation qabel tingħata s-sentenza bid-difiża ma titlobx għall-ħelsien mill-arrest minħabba li ż-żagħżugħ m’għandux fejn joqgħod. Attard li kemm il-darba kien inwissi mill-avukat tiegħu biex joqgħod kwiet indirizza lill-Maġistrat b’mod mhux xieraq u kien hawn li l-ġudikant ordnalu biex “joqgħod kwiet, jisma’ mill-avukat tiegħu u ma jkomplix iħaffer il-ħofra li jinsab fiha”.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Eman Hayman u Christina Delia flimkien mal-Avukat Giuliana Magro Conti f’isem l-Avukat Ġenerali waqt li Attard deher assistit mill-Avukat Thomas Barbara Sant.