Lokali

24% jgħidu li verament faċli takkwista l-kokaina f’Malta

Aktar minn 50% tal-Maltin jemmnu li hemm problema serja ta’ droga fil-lokalità tagħhom.

Stħarri tal-Ewrobarometru mwettaq fix-xahar ta’ Settembru wera kif 37% tal-parteċipanti saħqu li jaħsbu li hemm problema fil-lokalità tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam użu u teħid ta’ droga filwaqt li 30% jaħsbu li hemm kriżi ta’ traffikar fiż-żona fejn jgħixu.

Meta ċ-ċifri ġew mqabbla ma’ stati membri oħrajn ħareġ fid-deher li l-persentaġġ ta’ inkwiet serju tal-Maltin fuq din it-tema huwa ferm iżjed.

60% jaħsbu li f’pajjiżna teżisti problema serja f’dak li għandu x’jaqsam teħid ta’ droga u alkoħol u l-inċidenti ta’ traffiku, bi 68% jisħqu li fil-Gżejjer Maltin hawn problema ta’ droga minħabba l-fatt li huma aċċessibbli ħafna.

55% spjegaw li d-droga hija problema anke fost it-tfal u l-adolexxenti – filwaqt li 24% tal-Maltin saħqu li huwa verament faċli li persuna takkwista l-kokaina fil-lokalità fejn jgħixu.

Fl-aħħar jiem, anke l-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat xegħel bozza ħamra fuq il-problema enormi tad-droga f’pajjiżna. Dan meta indirizza l-laqgħa tal-Ħadd li għadda organizzata mill-PN fil-Qrendi – bl-inkwiet tiegħu ikun mhux biss it-traffikar ta’ sustanzi illegali, iżda wkoll it-traffikar ta’ persuni.