Robert Abela jibqa’ jaħrab milli jwieġeb lill-ħaddiema fl-industrija tal-Films dwar il-ħlas dovut lilhom, lill-ħaddiema barranin u anke dwar il-fatt li l-Kummissarju tal-Films Johann Grech sparixxa.
Producer lokali, Matthew Maggi, f’filmat ippubblikat fuq il-midja soċjali tiegħu żvela kif għal darb’oħra l-Prim Ministru Robert Abela reġa’ għamel laqgħa li preżenti għaliha kienu dawk li jaħdmu fis-settur tal-arti u l-kultura.
Iżda din il-laqgħa ma kellha x’taqsam xejn mal-problemi fis-settur jew fuq il-ħaddiema tiegħu, anzi kienet laqgħa għall-benefiċċju tal-Prim Ministru Robert Abela.
F’filmat ppubblikat fuq il-midja soċjali, jidher il-Prim Ministru Robert Abela jagħmel diskors qasir lil dawk preżenti, fejn ma ħalla lil ħadd isaqsi domandi, b’Matthew Maggi jgħid li d-diskors tal-Prim Ministru kien mimli wegħdiet foloz u kliem ta’ tifħir għalih innifsu.
Minkejja dan, il-producer lokali għażel li jitkellem xorta, bil-Prim Ministru jilqa’ l-intervent ta’ Matthew Maggi.
Iżda kienu n-nies tal-Prim Ministru li għal darba darbtejn ipprovaw iwaqqfu lil dan il-producer milli jgħid dak li għandu jgħid filwaqt li l-mużika tas-sala reġgħet lura għan-normal, biex b’hekk ħadd minn dawk li attendew ma seta’ jisma’ dak li kien qed jingħad.
Fil-filmat kien ukoll l-istess producer li staqsa: “għalfejn Johann mhux qed jirrispondi għall-emails, għalfejn sparixxa?”
Bil-Prim Ministru, surrealment jirrispondi li Johann huwa l-Kummissarju tal-Films, u li għandu l-fiduċja sħiħa tiegħu.
Intant, kien Matthew Maggi li jinstema’ ċar, jistaqsi dwar meta se jkunu qed jitħallsu l-barranin u dawk il-ħaddiema kollha li ma tħallsux, bil-Prim Ministru b’mod mill-aktar sfaċċat jgħidlu “int irċivejt kollox”.
Iżda, Matthew Maggi tenna li qed jitkellem anke għall-kollegi tiegħu, u anke għal dawk il-barranin li ttimbraw lill-pajjiżna bħala ħalliel għaliex għadhom ma tħallsux.
Kien fid-dawl ta’ dan li l-Prim Ministru baqa’ jinsisti li se jitħallsu “fl-immedjat” mingħajr ma ta l-ebda data ċara ta’ meta se jkun dan, filwaqt li qal lil Matthew Maggi sabiex “jiffoka fuq sħabu”.
//= $special ?>