Futbol Sport

Birkirkara jirritornaw għar-rebħ, draw bejn Sliema u Ħamrun

(Ritratt: Joseph Galea)
Analiżi u kummenti dwar il-Kampjonat Premier

L-OPINJONI

Wara żewġ telfiet konsekuttivi, kontra Floriana u Ħamrun Spartans rispettivament, Birkirkara rritornaw għar-rebħ wara li huma għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0. Kienet logħba li kellha d-diffikultajiet tagħha wkoll iżda l-Istripes fetħu l-iskor fil-bidu tat-tieni taqsima permezz ta’ Shaun Dimech biex lejn it-tmiem issiġillaw ir-rebħa b’gowl skurjat minn Andrea Zammit. Mosta kellhom il-mumenti tagħhom ukoll imma naqsu fil-mument importanti biex ta’ dan pattew qares. Lura għal Birkirkara Kurt Zammit, filwaqt li Mosta laqgħu lura lill-players t’esperjenza Clayton Failla. B’din ir-rebħa B’Kara komplew iżommu mal-ewwel post tal-klassifika, konxji mill-fatt li hemm aktar timijiet għad-dell tagħhom, ewlenin fosthom Floriana u Sliema Wanderers.

Maicon De Souza Silva ta’ Birkirkara bil-pussess tal-ballun (Ritratt: Joseph Galea)

Punt kull wieħed bejn Sliema Wanderers u Ħamrun Spartans b’partita bilanċjata tul id-disgħin minuta Kienet logħba li l-Ispartans ħasbu li rebħu bl-azzjoni kollha tasal lejn l-aħħar parti tal-logħba. Fil-fatt Ħamrun marru fil-vantaġġ fit-82 minuta bi Sliema jirrispondu bil-gowl tad-draw sitt minuti wara. B’hekk il-Blues ċaħdu lil Ħamrun mit-tielet rebħa konsekuttiva. Il-kowċ tal-Ispartans Zinnari kellu nuqqas t’esperjenza fl-ewwel ħdax hekk kif minn l-aħħar logħba kompliet tikber il-lista ta’ players imweġġgħin. Roko Prsa u Shaisen Attard kienu l-ismijiet il-ġodda fil-lista. Iżda minkejja dan xorta waħda l-players żgħażagħ li bdew il-partita u taw il-massimu tagħhom. Mill-banda l-oħra, Sliema ppruvaw ikunu offensivi kemm jistgħu iżda sabu avversarju tattikament organizzat ħafna. Riżultat li l-aktar li ffavorixxa kien lil Birkirkara u Floriana.

Iż-żagħżugħ Kean Scicluna ta’ Ħamrun ippressat minn Bastos ta’ Sliema (Ritratt: Joseph Galea)

U jekk hemm tim li qed ikompli jimpressjona u jkun ta’ sfida għal-leaders Birkirkara huwa t-tim ta’ Floriana. Għal darb’oħra huma kisbu rebħa u tliet punti importanti mill-konfront tagħhom kontra Hibernians. B’hekk il-Greens żammew il-pass mal-leaders tal-klassifika. Kienet wirja konvinċenti mit-tim immexxi minn Darren Abdilla fejn kellhom ikunu żewġ penalties li ddeterminaw il-logħba. Fil-fatt kienu Floriana li ddettaw il-logħba u b’Zammit Lonardelli u Grech fil-forma huwa diffiċli ħafna biex twaqqaf lil dan it-tim. Diżappuntanti Hibernians li jkomplu jikkonfermaw l-istaġun inkonsistenti li qed ikollhom. Fil-fatt, meta taħseb li dan it-tim ser jaqbad ir-ritmu, ir-riżultat ikun mod ieħor.

Il-goalkeeper ta’ Hibernians Hugo Sacco ntwera żewġ karti sofor fil-partita (Ritratt: Trevor Sollars)

Naxxar Lions kisbu punt importanti fit-tentattiv tagħhom li jkomplu jitilgħu aktar ‘il fuq fil-klassifika tal-Bottom Six Opening Round. Dan wara li l-logħba tagħhom kontra Gżira United spiċċat fi draw ta’ 1-1.  It-tim immexxi minn George Vella wera karattru hekk kif ġie minn gowl minn taħt sabiex salva l-logħba. L-ewwel taqsima kienet iddominata mill-Maroons li iżda ma sarrfux id-dominanza f’gowls. Biex mal-bidu tat-tieni taqsima huma ħadu l-vantaġġ li donnu qajjem aktar lill-avversarji tagħhom fejn apparti li kisbu l-gowl tad-draw, setgħu wkoll ħarġu bi tliet punti peress li kienu l-aktar viċin għal aktar minn darba.  Naxxar jibqgħu fir-raba’ post, eżatt fuq iz-zona relegazzjoni bi Gżira Ut. fl-ewwel post tal-Bottom Six flimkien ma’ Marsaxlokk.

Ikompli għaddej bir-rebħ it-tim ta’ Marsaxlokk li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet għeleb lil Melita bl-iskor ta’ 3-1. Bla dubju ta’ xejn li t-tim immexxi minn Enzo Potenza kien l-aħjar tul il-partita minkejja li kien hemm xi mumenti li Melita ppruvaw iwettqu reazzjoni li iżda ma’ kenetx daqstant soda. Għal Marsaxlokk dan kien it-tmien riżultat pożittiv fejn dan jagħmel kuntrast qawwi mal-bidu diffiċli li kellhom f’dan il-kampjonat. Barra minn hekk, huma kisbu għaxar punti mill-aħħar erba’ logħbiet. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Melita li għalihom din kienet it-tielet telfa konsekuttiva biex wara bidu tajjeb ħafna għal dan l-istaġun, jidher li issa r-realta hija ferm differenti.

Zabbar SP dawru telfa f’rebħa hekk kif minn gowl minn taħt rebħu l-partita kontra Balzan bl-iskor ta’ 2-1. Din kienet it-tieni rebħa tal-istaġun għaż-Żabbarin u inċidentalment kontra l-istess avversarju. Rebħa li waslet wara xejn anqas minn seba’ telfiet konsekuttivi. Dan ir-riżultat ifisser li ser ikompli jagħmel it-taqtigħa kontra r-relegation aktar ħarxa. Kienet logħba li rat lil Balzan imorru fil-vantaġġ wara biss ħdax-il minuta. Wieħed ħaseb li dan il-gowl kmieni kien ser ikun ta’ stimolu għal Balzan iżda Żabbar kellhom ħsibijiet oħra biex b’dak li għamlu matul il-kumplament tal-partita, ġustament kisbu tliet punti. Biex b’hekk tkompli tintensifika l-ġlieda kontra r-relegation.

INNUTAJNA

LI  diversi players żgħażagħ għamlu d-debutt tagħhom fil-Kampjonat Premier fi tmiem din il-ġimgħa. Fost dawn il-players insibu lil Kayne Haber u Sven Camilleri ta’ Naxxar Lions kif ukoll Keane Scicluna ma’ Ħamrun Spartans.

LI  Marcelo Dias lagħab it-300 logħba fil-Kampjonat Premier. Il-player veteran ta’ 39 sena leħaq dan it-tragward ma’ Gżira United, iżda huwa lagħab ma’ diversi timijiet oħra fosthom Hibernians, Gudja United, Floriana u Senglea.

LI  dak li ġara fl-Italja fi tmiem il-ġimgħa fil-logħba bejn Fiorentina u Inter għandu jkun ta’ avviż importanti għal min huwa responsabbli sabiex f’kull stadium fejn jintlagħab il-logħob ikun hemm faċilitajiet mediċi adegwati. Niftakru ħaġa waħda biss. Il-ħajja tal-bniedem hija għażiża ħafna.