Lokali

Dalli komda bil-Ministru Clint Camilleri

Il-Ministru Miriam Dalli komda li ma ttieħdet l-ebda responsabbiltà politika min-naħa tal-Ministru Clint Camilleri. Miriam Dalli komda li Camilleri għadu jifforma parti mill-Kabinett ta’ Robert Abela.

L-Erbgħa filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Dalli hux komda bil-fatt li fil-konfront ta’ Clint Camilleri l-Labour mexa bil-pass ta’ qisu xejn mhu xejn wara li sar magħruf minn rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li l-mara tal-issa Eks Ministru Clayton Bartolo, Amanda Muscat – kienet ingħatat promotion b’paga ta’ €70,000 bħala konsulenta mal-Ministeru għal Għawdex – liema konsulenza qatt m’għamlet għaliex baqgħet taħdem bħala Assistenta Personali ta’ Clayton Bartolo.

Iżda għal Miriam Dalli, dan kollu jidher li kollox sew.

Intant, l-istess Ministru Dalli għadha komda wkoll b’Richard Bilocca fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv – minkejja li dan tressaq il-Qorti flimkien ma’ oħrajn, akkużat formalment bi qtil involontarju ta’ impjegat.

Miriam Dalli għadha qed tinsisti li Bilocca se jkun qiegħed jibqa’ fejn hu minkejja li fil-Qorti nstema’ kif l-Inkjesta sabet nuqqasijiet fil-miżuri ta’ sigurtà.