Raġel li allegatament tefa’ l-briks lejn missier ġar tiegħu minn fuq sellum qed jiffaċċja ġuri għal attentat ta’ qtil. Paul Borg, ta’ 68 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, hu l-akkużat f’ġuri li daħal fit-tieni jum tiegħu. Huwa jinsab akkużat li fl-2020 ipprova joqtol lil Mario Grech u li kkaġunalu feriti gravi f’inċident separat sena qabel.
Barra minn hekk huwa jiffaċċja akkużi ta’ ħsara intenzjonata lil proprjetà ta’ terzi kif ukoll li attakka u rreżista uffiċjal tal-pulizija. Borg qed jiċħad l-akkużi kollha. Qed ikun allegat li f’Settembru ta’ erba’ snin ilu l-akkużat tefa’ żewġ madum tal-briks lejn Grech wara li lemħu jaħdem fi proprjetà ta’ ġar tiegħu li jiġi iben Grech. Fil-Qorti l-ġurati ntwerew filmat tal-akkużat iwaddab il-briks u laned taż-żejt fuq il-vittma u ibnu.
L-Erbgħa filgħodu l-ġuri beda bix-xhieda ta’ iben il-vittma li qal li fil-31 ta’ Lulju 2019 kien xogħol u għall-ħabta tal-4:30pm irċieva telefonata mingħand il-perit u qallu li l-akkużat kien prova jċempillu bosta drabi. Dakinhar missier ix-xhud kien qed jagħmel xi xogħlijiet fir-residenza ta’ ibnu, meta f’daqqa waħda Paul Borg, martu u ibnu sgassaw il-bieb, daħlu fir-residenza u sawtu lill-missier ix-xhud.
Iben Grech sostna li madwar xahar qabel xi ħadd kien daħlilhom fir-residenza peress li sabu l-passi. Ix-xhud iddeskriva wkoll l-istat li sab lil missieru fih wara li safa’ msawwat mill-familja Grech. Qal li kien bilqiegħda fuq siġġu, iżomm xugaman ma’ moħħu u kellu qasma kbira fuq rasu.
Fl-awla, il-ġurati raw sett ta’ ritratti fosthom linvell imċappas bid-demm u l-fallakka li Mario Grech fetaħ rasu magħha meta l-aggressuri waqqawh mal-art u tawh xebgħa. Spjega wkoll li l-isgass ikkawża b’€450 ħsara waqt li dwar l-allegat attentat ta’ qtil fuq missieru, ix-xhud qal li ftit jiem qabel missieru u hu bdew jagħmlu xi xogħlijiet flimkien fir-residenza, meta fil-pront Borg tela’ fuq il-bejt u beda jgħajjat li jekk imissu ħajt partikolari, se jwaddbilhom tank taż-żejt.
Ix-xhud qal li mar jagħmel rapport l-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ, bil-Pulizija tawh il-parir li jitqabbad uffiċjal tal-Pulizija joqgħod għassa waqt li jsiru x-xogħlijiet. Spjega wkoll li wara dakinhar ma ħassux komdu, installa aktar cameras tas-sigurtà madwar il-proprjetà u erbat ijiem wara komplew ix-xogħlijiet fil-preżenza ta’ uffiċjal tal-Pulizija.
Fit-12 ta’ Settembru, ix-xhud qal li missieru rama sellum mal-appoġġ biex jibda x-xogħlijiet fil-preżenza tal-Pulizija meta l-akkużat tela’ fuq il-bejt, waddablu briksa tal-bankini. Il-ġurati u dawk preżenti fl-awla kellhom iċ-ċans jaraw dak kollu li seħħ fuq filmat li ġie elevat minn waħda mill-cameras tal-bitħa fejn kienu qed isiru x-xogħlijiet.
Fil-filmat Borg jidher iwaddab il-bricks u laned taż-żejt b’kemm kellu saħħa lill-vittma u lill-ibnu fil-preżenza tal-Pulizija. Sadanittant espert tekniku u espert medikolegali maħtur mill-Qorti, sussegwentement irrapporta li kieku Grech ma rreaġixxiex malajr, fejn biddel il-pożizzjoni, il-forza tal-impatt bla dubju kienet tispiċċa toqtol lill-vittma.
Dawk il-briks allegatament kienu segwiti minn żewġ jerry cans ta’ żejt maħruq li Borg tefa’ ’l isfel minn fuq il-bejt, il-likwidu tal-kontenituri tferrex fuq il-pavimentar li spiċċat b’tebgħa fiz-zona tal-pixxina li kellha titbattal u titnaddaf sewwa.
Xhieda ta’ dan l-inċident kien iben Grech, u uffiċjal tal-pulizija mibgħut fil-proprjetà biex iżomm is-sitwazzjoni taħt kontroll waqt xi xogħlijiet kienu għaddejjin fost tensjoni kbira u argumenti persistenti bejn iż-żewġ ġirien.
Jidher li nqala’ inkwiet bejn il-partijiet waqt xogħlijiet li saru fil-proprjetà li allegatament irriżultaw fi ħsarat fil-madum fir-residenza ta’ Borg. Meta Borg allegatament immira l-ewwel briksa iebsa lejn Grech, l-uffiċjal tal-pulizija intervjena fil-pront, u ordnalu jieqaf.
Iżda aktar milli jobdi l-ordni, Borg allegatament tefa’ l-jerry cans u t-tieni maduma tal-briks minn fuq il-bejt, twaddbu wkoll, bil-madum jolqot lill-pulizija fuq siequ. Dawk l-avvenimenti segwew allegat inċident vjolenti li kien jinvolvi lil Borg u Grech sena qabel.
L-ewwel inċident fl-2019 ra lil Borg allegatament jisforza ruħu ġewwa l-proprjetà fi Triq Frans Sammut u, permezz ta’ mop miksur, jattakka lil Grech li dak il-ħin kien qed jinbarax ħajt. Borg ma damx ma ngħaqad ma’ martu u ibnu, u ħalla lil Grech b’feriti fil-wiċċ u tbenġil.
Xehed uffiċjal tal-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ fl-2019 li meta l-allegat vittma mar jirrapporta l-inċident, kellu wiċċu mdemmi u ġrieħi viżibbli f’ġismu. Intant, il-Qorti semgħet li l-bieb ta’ barra tal-proprjetà ta’ iben Grech saritlu ħsara kbira meta Borg sfurzat jidħol ġewwa.
Dan kellu jinbidel, bid-danni jammontaw għal madwar €2,100.
Il-ġuri huwa ppresedut mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. L-avukati tal-AG Abigail Caruana Vella u Ramon Bonett Sladden qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo huma l-avukati difensuri. L-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jidhru parte civile.
//= $special ?>