Claudette Buttigieg, PN
Ix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete, Claudette Buttigieg; appellat lill-Gvern u lill-Ministru tal-Ġustizzja biex id-diskussjoni fuq il-liġi Anti-SLAPP issir fil-Parlament kemm jista’ jkun malajr.
Fil-Parlament Claudette Buttigieg qalet li fl-1 ta’ Novembru 2024 ġiet ippreżentata mozzjoni parlamentari biex titjieb il-liġi tal-Anti-SLAPP u jitwettqu rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u li l-Gvern ilu jinjora għal aktar minn tliet snin.
Il-Partit Nazzjonalista ressaq din il-mozzjoni biex l-Avviż Legali li ppubblika l-Gvern dwar l-Anti-SLAPP jitjieb u sabiex jitwettqu b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika.
Fl-aħħar ta’ Lulju li għadda l-Gvern kien ħareġ jiftaħar li d-direttiva Anti-SLAPP tal-Unjoni Ewropea se ssir parti mil-liġijiet ta’ pajjiżna permezz ta’ Avviż Legali. Dan l-Avviż Legali jagħti lill-ġurnalisti Maltin l-inqas livell ta’ protezzjoni li joħroġ mid-direttiva.
Hi qalet li l-Partit Nazzjonalista jqis id-direttiva Anti-SLAPP bħala opportunità kbira biex pajjiżna mhux biss ikollu liġijiet li jkunu skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea, iżda li jkunu joffru tassew l-ogħla livell possibbli ta’ ħarsien għall-ġurnalisti mill-abbużi ta’ dawk li jridu jaħbu l-verità.
Għalhekk, permezz tal-mozzjoni l-PN qed jipproproni emendi għall-Avviż Legali li ppubblika l-Gvern biex il-liġi Anti-SLAPP tkun tapplika kemm għal kawżi li jinvolvu pajjiżi oħra kif ukoll għal kawżi li jsiru f’Malta biss u biex jiżdied l-ammont li għandu jitħallas bħala penali disważivi li għandhom jitħallsu minn min jagħmel kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, minn massimu ta’ €10,000 għal minimu ta’ €10,000 u massimu ta’ €100,000. Proposti oħra huma li d-data dwar kawżi Anti-SLAPP tibda tiġi ppubblikata online u ppreżentata fil-Parlament meta din tingħata lill-Kummissjoni Ewropea u li s-sentenzi tal-Qrati Maltin dwar l-Anti-SLAPP ma jistgħux jinħbew u għandhom dejjem jibqgħu pubbliċi.
Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li l-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ġustizzja għandhom iwettqu konsultazzjoni pubblika wiesgħa u effettiva dwar kif id-direttiva Anti-SLAPP għandha tiġi trasposta fil-liġijiet ta’ pajjiżna u li wara li tintemm il-konsultazzjoni pubblika għandhom iressqu abbozz ta’ liġi quddiem il-Parlament sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2025.
Claudette Buttigieg sostniet li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti wkoll li l-Gvern għandu jwettaq konsultazzjoni pubblika dwar il-materji kollha relatati u identifikati mill-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li huma meħtieġa għall-protezzjoni tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna.
Il-Gvern ilu aktar minn sena jwiegħed li se jippubblika white paper biex jikkonsulta dwar riformi għat-tisħiħ tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna, sostniet id-deputat Nazzjonalista.
Hi kompliet li gvern li jipprova jpoġġi sarima ma’ ħalq min jikkritikah qed ikun ta’ disservizz lejn il-pajjiż. Il-ġurnalisti m’għandhomx bżonn min jikkontrollahom – meta jkun hemm attentat biex dan isir, il-Gvern ikun qed jitfa’ l-ġebla fuq saqajh… it will backfire. Attentati bħal dawn iwasslu biex il-ġurnalisti jiġġieldu aktar għall-veritá għax hija sinjal ta’ min għandu x’jaħbi!
L-assassinju makabru u vjolenti ta’ Daphne Caruana Galizia jfakkarna li pajjiżna fadallu ħafna x’jagħmel biex itejjeb is-sitwazzjoni tal-libertá tal-istampa u tal-libertá tal-espressjoni f’pajjiżna. Wisq huma dawk il-ġurnalisti li qed jiffaċċjaw diffikultajiet straordinarji biex ikollhom aċċess leġittimu għall-informazzjoni.
Hi appellat lill-Gvern u lill-Ministru tal-Ġustizzja biex id-diskussjoni fuq il-liġi Anti-SLAPP issir fil-Parlament illum qabel għada.