In-Nazzjonijiet Uniti tinsab ferm inkwetata dwar il-vjolenza li qed tintuża kontra l-folol tal-Ġorġjani li qegħdin jipprotestaw dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tagħhom biex jiffriża l-proċess għall-isħubija tal-Ġorġja fl-Unjoni Ewropea.
Spiċċaw arrestati ‘il fuq minn 300 persuna mindu żbruffaw il-protesti tal-massa fil-Ġorġja sitt ijiem ilu, u fost ir-rapporti konsistenti li l-pulizija tal-Gvern qegħdin jattakkaw lid-dimostranti fi Tbilisi u bliet oħrajn bl-aktar mod vjolenti.
L-użu tal-forza eċċessiva mill-Pulizija tal-Gvern fuq id-dimostranti kienet imfissra bħala tortura u brutalità mill-ombudsman dwar id-drittijiet umani tal-Ġorġja. Dan fost il-kundanna dwar is-sitwazzjoni perikoluża fil-Ġorġja mingħand Volker Turk, l-Uffiċjal tan-NU responsabbli mid-drittijiet umani, u li kritika ħafna ‘l-użu tal-forza sproporzjonali min-naħa tal-qawwiet tas-sigurtà Ġorġjani.’
Mistenni li d-dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern ikomplu xorta fil-jiem li ġejjin wara li l-Partit għall-Ħolma Ġorġjana, li ilu jmexxi lill-pajjiż għal snin, ikkonferma li qed iwaqqaf il-proċess lejn il-bidu tat-taħditiet għall-isħubija tal-pajjiż fl-UE. Dan waqt li l-Prim Ministru Ġorġjan, Irakli Kobakhidze, alleat tar-Russja, qed iwaħħal fil-politiċi tal-Oppożizzjoni għall-vjolenza fil-pajjiż.
//= $special ?>