Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna u jqis bħala inaċċettabbli għalkollox l-attitudni tal-Prim Ministru u tal-Gvern li qiegħed jabbanduna n-negozjati fl-MCAST f’mument li kienu qabdu jipprogressaw. Għall-Gvern, il-proċess ta’ djalogu soċjali u negozjar għandu jsir biss b’konvenjenza u jidhirlu li jista’ jhedded lill-union li qed tinnegozja f’isem il-membri tagħha skont kif tagħtiha dritt il-liġi.
Ix-Shadow Ministers Justin Schembri, Bernice Bonello u Ivan Castillo qalu li fi stqarrija li l-waqt li l-Gvern jippretendi li l-MUT għandha twaqqaf id-direttivi tal-azzjonijiet industrijali imposti minħabba li kien il-Gvern stess li baqa’ ma wasalx għall-konklużjoni tal-Ftehim Kollettiv wara kważi tliet snin, ikun qiegħed juri li qata’ qalbu li jagħlaq dan l-istess Ftehim Kollettiv.
Huwa evidenti u għalkollox ċar, li l-kaġun ta’ dan id-dewmien mhuwa ħadd ħlief il-Gvern, u llum is-sitwazzjoni eskalat fi kriżi nazzjonali għaliex l-MCAST mhix prijorità la għall-Prim Ministru Robert Abela u lanqas għall-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima. Għall-Gvern Laburista, l-MCAST huwa istituzzjoni second-class, u dan qed ikollu impatt qawwi u riperkussjonijiet serjissimi fuq l-MCAST bħala t-tieni l-akbar istituzzjoni edukattiva statali f’Malta, fuq il-letturi u l-gradi kollha milquta mill-Ftehim Kollettiv skadut, u fuq l-istudenti li qed ikunu vittmi ta’ Gvern li għandu biżżejjed flus għal ta’ madwaru imma mhux għall-investiment fl-edukazzjoni tagħhom.
F’diversi okkażjonijiet preċedenti, il-Partit Nazzjonalista aċċenna li dan il-Ftehim Kollettiv ma kellu qatt jibqa’ mdendel għal tant snin. Jekk verament il-Gvern jemmen li l-prinċipji li jispiraw l-amministrazzjoni huma li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-letturi u l-gradi l-oħra fl-MCAST, il-Gvern kellu jasal għal konklużjoni fi żmien propizju.
Għandu jkun innutat li meta l-MUT irtitat id-direttivi tagħha lura fi Frar li għadda biex l-istudenti jkomplu bit-traġitt edukattiv tagħhom, il-Gvern baqa’ ma għalaqx il-Ftehim Kollettiv u ġebbed sal-bidu tas-sena akkademika li fetħet bl-intoppi f’Ottubru li għadda. Hija assolutament gidba li l-Gvern hu impenjat jinnegozja meta qed ikun hu stess, u s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni li waqfu jinnegozjaw u qishom qatgħu qalbhom li xi darba jaslu.
Il-Partit Nazzjonalista llum jiddubita jekk in-negozjaturi f’isem il-Gvern humiex pupazzi tal-Prim Ministru li fi tmiem il-ġimgħa afferma li għall-MCAST m’għandux flus x’jagħti.
Robert Abela jkompli jikkonferma li waqt li għandu flus għal tal-qalba, mal-edukaturi qiegħed jixxaħħaħ bla preċedent.
//= $special ?>