Il-futur politiku tal-President tal-Korea t’Isfel, Yoon Suk Yeol, jinsab imdendel bi spaga wara lejl mimli tensjoni, f’Seoul, fejn hu kien iddikjara stat ta’ liġi marzjali qabel iddeċieda biex jirtira d-deċiżjoni li xeħtet lill-pajjiż f’kaos sħiħ.
Yoon, li ilu President mill-2022, kien diġà tilef ħafna mill-popolarità minn qabel l-iżviluppi inkwetanti u meta ilu taħt pressjoni biex jirriżenja mindu tilef l-elezzjonijiet parlamentari f’April li għadda,…Elezzjonijiet ikkunsidrati bħala vot ta’ fiduċja dwar il-kisbiet tiegħu bħala Mexxej nazzjonali.
Il-President anki jinsab mgħarraq fil-problemi personali, Dan wara li hu, jiem ilu, kellu jxandar messaġġ ta’ apoloġija lill-poplu għal diversi kontroversji relatati ma’ martu, il-First Lady, Kim Keon-hee, li fost oħrajn kienet aċċettat xi rigali lussużi kontra l-protokoll tal-Presidenza. Hemm ukoll allegazzjonijiet li Kiem kellha xi sehem fil-manipulazzjoni tal-ishma.
Fl-aħħar sigħat, żdiedu d-domandi għar-riżenja tal-President, bid-deputati parlamentari jibdew diġà l-proċeduri għall-impeachment tiegħu.
Ir-rabja għall-President hi kbira wara li hu, nhar it-Tlieta, qal li l-liġi marzjali kienet meħtieġa biex il-Korea t’Isfel tkun protetta ‘mill-qawwiet komunisti tal-Korea ta’ Fuq’. Hu, fl-istess diskors, kien anki ħalef biex ‘jelimina lill-aġenti kollha f’Seoul li qegħdin jaħdmu kontra l-interessi tal-Istat.
Iżda minkejja r-referenzi għall-Korea ta’ Fuq, id-deċiżjoni tal-President qed titqies bħala reazzjoni għall-pressjoni domestika u s-sensiela ta’ skandli relatati miegħu u ma’ martu.
Anqas minn sagħtejn wara d-dikjarazzjoni tiegħu, id-deputati parlamentari daħlu bil-forza fil-bini tal-Assemblea u vvutaw biex jimblukkaw id-deċiżjoni dwar il-liġi marzjali…Liġi li kieku kienet implimentata kellha tfisser trasferiment ta’ poter minghand il-Gvern lill-Armata. Waqt il-konfużjoni, uħud mid-deputati għaddew b’diffikultà mill-barrikati ta’ quddiem il-Parlament, bl-Ispeaker tal-Assemblea anki jaqbeż minn ħajt biex jidħol fil-bini.
Wara il-vot fl-Assemblea, il-President Yoon ħabbar li kien qed jirtira d-deċiżjoni dwar il-liġi marzjali – u issa d-deputati parlamentari f’Seoul għandhom jivvutaw dwar l-impeachment tiegħu matul il-jiem li ġejjin.
Sadanittant, Kim Yong-hyun, il-Ministru tad-Difiża ta’ Yoon, fl-aħħar sigħat offra li jirriżenja mill-kariga u wara li hu kien influwenti fi-pjan tal-President dwar il-liġi marzjali.
//= $special ?>