Raġel Taljan ta’ 22 sena spiċċa kundannat il-ħabs għal għomru wara li ammetta li kien qatel lill-eks-tfajla tiegħu b’xejn anqas minn 70 daqqa ta’ sikkina….Omiċidju li xokkja bil-kbir lill-pajjiż minbarra li xpruna d-dibattitu jaħraq dwar l-issue tal-vjolenza kontra l-mara.
Il-qattiel, Filippo Turetta, kellu t-tendenzi kollha ta’ raġel pussessiv li ma ried bl-ebda mod iħalli lill-eks-tfajla, Giulia Cecchettin, bi kwieta avolja hi għamlitha ċara li r-relazzjoni ta’ bejniethom kienet spiċċat.
U wara li nqara l-verdett tal-qorti f’Venezja, l-analisti fl-Italja qablu li l-kampanja kontra l-vjolenza bejn is-sessi tinvolvi s-sehem determinat minn kull membru tas-soċjetà.
Fl-aħħar sena sar magħruf li Giulia Cecchettin kienet ilha ħafna xhur persegwitata mill-eks-sieħeb – bil-każ inqanqal interess inkredibbli fost it-Taljani li qed iħarsu mill-ġdid lejn l-aspetti tal-femiċidju u l-vjolenza tar-irġiel fuq in-nisa bħala pjagi li jridu jkunu kontrollati u indirizzati aħjar minn qatt qabel.
Il-vittma kienet studenta tal-inġinerija biomedika u fil-11 ta’ Novembru tas-sena l-oħra, Turetta – li bħalha kien jattendi l-università — għadda għaliha biex flimkien imorru jixtru libsa ġdida għaliha qabel hi kellha tattendi ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni.
Ftit tas-sigħat wara, Turretta biċċer lit-tfajla bid-daqqiet tas-sikkina ripetuti u ħalla l-katavru – imgeżwer fil-boroż tal-plastik – f’gandott qabel sparixxa mill-pajjiż.
Fil-jiem sussegwenti, il-pulizija wettqu tfittxija intensiva għall-koppja – u bis-sejba tal-katavru t-tfajla tqanqal mewġa ta’ niket bla preċedent fl-Italja. L-għada tas-sejba, Turetta kien arrestat fil-Ġermanja fejn ammetta mal-ewwel dwar l-omiċidju qabel spiċċa estradit lejn l-Italja.
L-istejjer dwar il-femiċidju saru komuni fl-Italja, iżda l-istorja traġika ta’ Giulia Cecchettin attirat ammont straordinarju ta’ attenzjoni sa mill-bidunett. Fil-fatt, ‘il fuq minn 10,000 kienu attendew għall-funeral tagħha – b’ħafna minnhom ikunu nies li kienu semgħu biha biss wara li ħarġet l-aħbar dwar il-qtil makabru.
//= $special ?>