Miljuni mitlufin, emissjonijiet esaġerati, investiment f’pajjiżna mormi. Dan kien kollu żvelat f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista indirizzata mix-Shadow Ministers Ryan Callus, David Agius u Eve Borg Bonello, fil-Belt Valletta.
F’din il-konferenza ġie żvelat kif il-Gvern Laburista rtira miljuni ta’ ewro f’fondi Ewropej biex aktar minn 100 karozza tal-linja jinbidlu minn vetturi li jaħdmu bid-diesel għal vetturi elettriċi. Dan kollu bl-iskop li jonqos it-tniġġis tal-arja u l-emissjonijiet f’pajjiżna.
Kien ix-Shadow Minister Ryan Callus li elenka l-fatt li waslet korrispondenza f’pajjiżna, mill-Kummissjoni Ewropea li tikxef dan l-irtirar ta’ miljuni, li mhux talli se jkun qed isarraf f’karozzi tal-linja li jibqgħu jaħdmu bid-diesel imma wkoll telf ta’ infrastruttura ta’ charging bays li kienet se tkun qed tinbena f’pajjiżna.
Spjega wkoll li issa minħabba din id-deċiżjoni li nżammet mistura mill-Gvern Laburista, se jintilfu mhux biss €34 miljun ta’ fondi Ewropej, imma anke €7 miljun – fond li kien intrebaħ minn pajjiżna għall-infrastruttura ta’ charging bays u li issa huwa mitluf, u €50 miljun ta’ investiment privat li kien se jsir mill-Malta Public Transport.
Minn naħa tiegħu, ix-Shadow Minister David Agius, spjega li dan huwa pass ċar ta’ inkompetenza minn naħa tal-Gvern għaliex il-Malta Public Transport ma għadx għandha skop li tinvesti fl-infrastuttura taċ-charging bays ġaladarba l-Gvern irtira l-fondi approvati.
Spjega li permezz ta’ dan il-pass, il-Gvern kiser il-ftehim li kellu mal-Kummissjoni Ewropea b’rabta mar-Recovery and Resilience Plan tal-Gvern stess. B’dan it-telf ta’ flus kollu jfisser mad-€90 miljun mitlufa.
Fl-intervent tagħha x-Shadow Minister Eve Borg Bonello tenniet li l-Gvern Malti rtira dawn il-miljuni ta’ ewro, minkejja li l-pajjiż għandu kriżi fil-klima Maltija. Dan minħabba l-fatt li pajjiżna għandu wieħed mill-ogħla rati ta’ emissjonijiet.
Hija spjegat ukoll li din id-deċiżjoni, li ma tagħmilx sens, ittieħdet wara ċanfira li qala’ l-Gvern Laburista mill-Kummissjoni Ewropea wara li naqas milli jibgħat strateġija nazzjonali għall-klima u l-enerġija, għalhekk dan huwa Gvern li jitfa’ l-pajjiż lura.
Kien fid-dawl ta’ dan kollu li x-Shadow Ministers tennew, li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed iħejji pjan fit-tul għal pajjiż elettrifikat, pajjiż li jagħmel użu inqas ta’ fossil fuels, bħalma għamel fis-snin passati.
