Mara ta’ 47 sena li toqgħod il-Birgu ġiet immultata s-somma ta’ €1,000 mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wara li nstabet ħatja li permezz ta’ xi network jew appartat ta’ komunikazzjoni elettronika użat kliem ta’ theddid fil-konfront ta’ Birdlife Malta.
Dollsy Darmanin instabet ħatja li wettqet reat u li għamlet użu mhux xieraq fuq il-mezzi soċjali. Mark Sultana, Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta, xehed fis-seduta tal-19 ta’ Ġunju 2024. Ir-rapport sar fil-kapaċità tiegħu ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta. Qal li wieħed mill-modi kif in-nies jikkomunikaw magħhom huwa l-Facebook messenger.
Fil 25 ta’ Ottubru ġie infurmat minn persuna li timmoniterja, li kien hemm messaġġ abbużiv. Meta jkun
hemm dawn it-tip ta’ messaġġi għandhom il-policy li jieħdu azzjoni immedjatament. Fit-28 ta’ Ottubru għamel rapport bis-sitema online li mbagħad ġie infurmat li ngħadda lil Cyber Crime.
Tenna li kien mar jirrapporta l-Għassa tal-Imsida, imma peress li kienet magħluqa għamel rapport l-Għassa ta’ Tas-Sliema. Il-messaġġi ntbagħtu minn Dollsy Darmanin. L-isem waslu għalih mill-Facebook stess imma meta tkellem mac-Cyber Crime qalu li għandhom proċess biex jivverifikaw jekk il-messaġġ kienx verament minn dak il-messenger jew le.
Dollsy Darmanin, l-imputata, xhedet fis-seduta tal-19 ta’ Ġunju, 2024, li “l-messaġġ naħseb li mill-kontenut jidher biċ-ċar li huwa mibgħud mit-tifel mill-messenger tiegħi, jiġifieri fil-fatt jien għandi messaġġ li bgħatt lit-tifel fuq il-messenger tiegħi fejn għedtlu biex jieqaf jibgħat messaġġi lil Birdlife.
Il-Qorti qalet li mill-provi jirriżulta li minn Facebook messenger tal-imputata ntbagħtu żewġ messaġġi
fuq il-Facebook messenger tal-Birdlife Malta fil-25 ta’ Ottubru, 2023. L-imputata stess stqarret kemm fix-xhieda tagħha kif ukoll meta ġiet mitkellma mill-Pulizija, li l-profil tal-Facebook kien tagħha.
Hija stqarret li kien binha minuri li ma kienx magħha li bagħat dawn il-messaġġi. L-imputata hija responsabbli għal profil tagħha u għal kontenut li hemm fih. Inoltrè, jiġi rilevat li ma nġabet ebda prova fil-kors ta’ dawn il-proċeduri li kien binha li uża l-profil tagħha biex jibgħat dan il-messaġġ.
Miż-żewġt messaġġi li ntbagħtu, il-messaġġ ċensurabbli jgħid “If you call the police on my family 1 more time I will end you all” “All”. Ma hemmx dubju li dan il-messaġġ huwa wieħed ta’ theddid u għalhekk jaqa’ taħt il-paramentri tal-artikolu 49 (a) tal-Kap. 399 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti wara li rat l-artikoli rilevanti tal-ligi, sabet l-imputata Dollsy Darmanin ħatja u kkundannata għal multa ta’ €1,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Michael Vella.
//= $special ?>