Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Minister Karol Aquilina, il-Partit Nazzjonalista qal li kulħadd f’pajjiżna kien jaf li n-nomina ta’ Edward Zammit Lewis għal Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kienet waħda ħażina, ibbażata biss fuq l-interessi partiġjani tal-Prim Ministru Robert Abela. Għalhekk, illum m’hawn ħadd f’pajjiżna li jinsab sorpriż bl-aħbar li n-nomina ta’ Zammit Lewis ma ġietx aċċettata.
Kien ovvju mill-bidu nett li xi ħadd bil-kurrikulu mżewwaq ta’ Zammit Lewis ma seta’ qatt jgħaddi mill-proċess ta’ skrutinju li jsir biex jinħatru l-imħallfin fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Robert Abela ġie jaqa’ u jqum mill-ovvju, webbes rasu, u bl-arroganza tipika tiegħu xorta waħda bagħat lil Zammit Lewis jumilja lilu nnifsu u lil pajjiżna barra minn xtutna.
Robert Abela insulta lil pajjiżna u lill-poplu kollu tagħna meta nnomina għal din il-kariga importanti lil xi ħadd li kien parti minn Gvern ikkundannat minn tliet imħallfin għall-ħolqien tal-klima ta’ xejn mhu xejn li wasslet għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Robert Abela reġa’ tebba’ isem pajjiżna apposta meta ddeċieda li jinnomina bħala Mħallef fil-Qorti Ġenerali tal-UE lill-ħabib tal-qalb ta’ Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija korrotta 17 Black u l-persuna li tinsab akkużata fil-Qorti li hija l-mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
B’dan il-kurrikulu, anke karattru bħal Ġaħan kien jirrealizza li n-nomina ta’ Zammit Lewis tmur kontra l-interess nazzjonali u li r-riżultat aħħari tagħha se jkun falliment li jerġa’ jwaqqa’ għaċ-ċajt lil pajjiżna, kif fil-fatt ġara.
Għaldaqstant, il-ħtija ta’ dak li ġara llum hija tal-Prim Ministru Robert Abela.
Għal darb’oħra, Abela wera li ma jinteressah xejn mill-interess ta’ pajjiżna u li moħħu biss biex jaqdi l-interessi partiġjani tal-Partit Laburista u ta’ dawk tal-qalba. Bin-nomina ta’ Edward Zammit Lewis, Robert Abela reġa’ waqqa’ lil pajjiżna għaċ-ċajt apposta għax kien mill-ewwel evidenti li din in-nomina hija perverżjoni tal-ġustizzja ddestinata li tfalli.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li l-għażla ta’ persuni nominati minn pajjiżna biex iservu f’karigi għolja fl-Unjoni Ewropea għandha tkun ibbażata fuq il-mertu u l-kompetenza u mhux fuq il-konvenjenza politika partiġjana.
Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista ma jridx li l-poplu Malti u Għawdxi jkompli jbati l-konsegwenzi tal-għażliet u d-deċiżjonijiet ħżiena ta’ Robert Abela.
//= $special ?>