Il-kriżi politika fi Franza rrankat wara li Michel Barnier twarrab minn Prim Ministru waqt vot ta’ sfiduċja fil-Parlament ta’ Pariġi li ttieħed tard matul il-lejl tal-Erbgħa.
U waqt li l-Franċiżi qegħdin iħarsu lejn futur inċert – minn lat politiku daqstant ieħor ekonomiku – żdiedet l-istennija għan-nomina tal-Prim Ministru ġdid li jrid jieħu t-tmun ta’ pajjiż mifni bil-problemi. Kwistjoni li spikkat anki fis-sigħat ta’ qabel il-vot kruċjali dwar id-destin ta’ Barnier u meta Franza, issa, trid tistenna għall-konferma tas-sitt Prim Ministru fl-aħħar seba’ snin.
Ladarba Barnier ikkonferma, uffiċjalment, ir-riżenja tiegħu minn Prim Ministru, l-osservaturi kienu qed janalizzaw l-aħjar għażla ta’ suċċessur. Fost il-favoriti, qed jissemmew il-Ministru tad-Difiża Sébastien Lecornu, il-Ministru tal-Intern, Bruno Retailleau, u l-eks kandidat għall-Presidenza François Bayrou, li hu politiku taċ-ċentru.
Madankollu, ma hemm l-ebda garanzija li xi ħadd minn dawn il-kandidati, ‘il quddiem, mhux se jiltaqa’ mal-intoppi kbar – b’kull wieħed minn fost il-gruppi rappreżentati fil-Parlament kapaċi jgħid ‘le’ għall-għażla.
Sitwazzjoni bħal din kienet spikkat matul is-sajf meta l-Eks Prim Ministru Gabriel Attal kien dam xahrejn fir-rwol ta’ Aġent Prim Ministru – b’kollox qed jindika li Michel Barnier għandu jassumi l-istess rwol għall-jiem li ġejjin.
Il-Gvern ta’ Barnier ikkrolla wara li d-deputati fl-Assemblea ta’ Pariġi vvutaw b’maġġoranza assoluta favur il-mozzjoni li tressqet kontra l-Prim Ministru. Michel kien ilu biss tliet xhur fil-kariga u l-vot tal-Erbgħa bil-lejl kien l-ewwel darba li Gvern Franċiż spiċċa mwarrab mill-Parlament f’aktar minn 60 sena.
Id-deputati estremisti tal-lemin immexxija minn Marine Le Pen, eks kandidat għall-Presidenza Franċiża u l-Front Popolari ġdid magħmul mill-politiċi tax-xellug ingħaqdu biex, flimkien, iwarrbu lill-Gvern ta’ Barnier wara li l-PM kien irrikorra għall-poteri speċjali biex jgħaddi l-budget mingħajr vot fl-Assemblea.
Ivvutaw favur il-mozzjoni xejn anqas minn 331 deputat – u meta kien jeħtieġ biss 288 vot biex Barnier jitwarrab minn Prim Ministru.
Il-protokoll, wara l-vot, kien jitlob li Barnier jippreżenta r-riżenja tal-Gvern tiegħu – u meta l-budget li xpruna din il-kriżi politika mhux se jibqa’ validu bħala parti minn proċess awtomatiku għal sitwazzjonijiet bħal dawn.
Pressjoni fuq il-President Macron
Sadanittant, il-President Franċiż Emmanuel Macron, ma spiċċax affettwat mir-riżenja ta’ Barnier skont il-kriterji tal-Kostituzzjoni, Fl-istess ħin, iżda, ħafna politiċi fl-Oppożizzjoni qegħdin iwettqu pressjoni fuq Macron biex jirriżenja hu wkoll qabel isejjaħ elezzjonijiet presidenzjali bikrija. Min-naħa tiegħu, Macron qed jirreżisti akkost ta’ kollox għal dan ix-xenarju.
Il-Front Popolari Ġdid, bħala l-Alleanza tax-Xellug li rebħet l-akbar ammont ta’ siġġijiet fl-aħħar elezzjonijiet parlamentari, kien ilu jikkritika d-deċiżjoni ta’ Macron biex jaħtar lil Barnier bħala Prim Ministru.
L-istess Front u l-Partit Rally Nazzjonali tal-lemin estrem, intant, opponew bis-sħiħ il-budget ta’ Barnier li kien jinkludi tnaqqis fid-defiċit nazzjonali ekwivalenti għal €60 biljun.
Marine Le Pen, bħala l-Kap tar-Rally Nazzjonali, qalet li dan il-budget kien wieħed ‘velenuż’ għall-poplu Franċiż waqt li Michel Barnier, qabel il-vot fl-Assemblea, wissa lid-deputati li t-tkeċċija tiegħu minn Prim Ministru m’għandhiex issolvi l-problemi finanzjarji ta’ pajjiżu.
Hu kompla li t-tmexxija f’Pariġi teħtieġ taċċetta ‘r-realtà tad-djun nazzjonali’ u li hu kien kostrett li jressaq il-miżuri diffiċli f’dawn iċ-ċirkustanzi.
Iżda għal Marine Le Pen u d-deputati tax-xellug ma kien hemm l-ebda alternattiva ħlief li jwarrbu lil Barnier minn Prim Ministru. Fl-istess ħin, Le Pen – meta tkellmet dwar ‘il-prospetti politiċi’ tal-President Macron – qalet li hi mhix qed tinsisti għar-riżenja tiegħu ‘bħala l-pass li jmiss’.
Il-President Macron, ftit tal-ħin ilu, indirizza lill-pajjiż dwar l-aħħar żviluppi politiċi u fejn sostna li għandu jħabbar il-Prim Ministru li jmiss matul il-jiem li ġejjin. Intant, hu ċaħad għas-sejħiet konsistenti biex hu jwarrab ‘ukoll’, waqt li għamilha ċara li għandu jkompli sal-aħħar tal-mandat.
//= $special ?>