L-osservaturi u l-analisti politiċi fil-Ġorġja qegħdin jakkużaw lill-Gvern dwar ‘kampanja totali ta’ terrur kontra l-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni ħielsa’. Kundanna oħra kienet indirizzata għall-attakki tal-Gvern Ġorġjan fuq l-għeruq demokratiċi ta’ pajjiż li fil-bidu tad-disgħinijiet kien jifforma parti mill-Eks Unjoni Sovjetika komunista.
Il-kriżi fil-Ġorġja qed issir aktar akuta wara li l-Prim Ministru Ġorġjan, Irakli Kobakhidze, iffriża l-proċess tas-sħubija ta’ pajjiżu fl-Unjoni Ewropea – u fost diversi akkużi li hu u l-Gvern tiegħu qegħdin jaġixxu kontra l-interessi tal-poplu u skont ‘id-diktat’ tar-Russja.
Il-Partit għall-Ħolma Ġorġjana, ta’ Kobakhidze, intant, qed jimplimenta dejjem aktar liġijiet awtoritarji kontra s-soċjetà ċivili u gruppi oħrajn meqjusa bħala ‘ostili’ għall-amministrazzjoni f’Tbilisi. Intant, il-partiti tal-Oppożizzjoni qegħdin jakkużaw lill-partit fil-Gvern b’li qed jagħmel minn kollox biex jaċċerta li l-pajjiż ‘ma joħroġx mill-orbita tal-Kremlin (f’Moska).’
Fl-aħħar sigħat, il-pulizija litteralment kaxkru lil Nika Gvaramia, wieħed mill-kapijiet tal-Oppożizzjoni Ġorġjana, ‘il barra mill-uffiċċju tal-partit tiegħu – u qabel hu ttieħed bil-forza lejn diversi ċentri tad-detenzjoni.
Fl-istess ħin membri oħrajn tal-Oppożizzjoni sfaw attakkati mill-Pulizija bl-aktar mod brutali u wara li l-Prim Ministru Ġorġjan ħalef biex issir ‘il-ġustizzja’ mal-organizzaturi tal-aħħar jiem ta’ protesti kontra d-deċiżjoni tal-Gvern biex jiffriża l-proċess tat-taħditiet għas-sħubija tal-Ġorġja fl-UE.
Kapijiet oħrajn tal-Oppożizzjoni spiċċaw attakkati u msawta mill-Pulizija wara li huma kienu ltaqgħu f’lukanda u ddeċidew biex jissieltu għal strajk ġenerali.
Filwaqt li viċin l-400 dimostrant spiċċaw arrestati u anki msawta mill-Pulizija fost id-dimostrazzjonijiet kontinwi kontra l-Gvern f’Tbilisi u bliet oħrajn, qed jidher biċ-ċar li l-Prim Ministru Kobakhidze, issa, iddikjara ‘gwerra diretta’ fuq il-Kapijiet tal-Oppożizzjoni – sitwazzjoni tassew allarmanti għall-poplu u fejn Kobakhidze qed jakkuża lid-dimostranti dwar ‘il-firxa tal-faxxiżmu mogħti libsa liberali’.
Il-Gvern issa ilu l-jiem li sospenda l-partnership strateġiku tal-Ġorġja mal-UE u bl-aħħar rapporti jirreferu wkoll għall-arresti tal-membri tal-Partit għal Ġorġja b’Saħħitha u l-Moviment Nazzjonali Magħqud – it-tnejn entitajiet tal-Oppożizzjoni. Mistenni wkoll li l-arresti tal-membri tal-Oppożizzjoni Ġorġjana għandhom ikomplu u anki jiżdiedu matul il-jiem u l-iljieli li ġejjn.
//= $special ?>