F’għeluq it-38 anniversarju mill-qtil politiku ta’ Raymond Caruana, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mexxa delegazzjoni tal-PN f’ċerimonja ta’ tqegħid tal-fjuri fuq il-qabar ta’ Raymond Caruana fiċ-Ċimiterju tal-Gudja.
Wara din iċ-ċerimonja, saret quddiesa b’suffraġju għal ruħ Raymond Caruana fil-Knisja Arċipretali tal-Gudja, filwaqt li wara ttellgħet attività politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Gudja stess, li 38 sena ilu kien fil-mira ta’ kriminali politiċi li sparaw tiri ta’ sub-machine gun minn karozza li qatlu lil dan iż-żagħżugħ.
Matul l-attività politika, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum hu importanti li s-soċjetà tirrikonoxxi dak li seħħ, iżda rridu nħarsu ’l quddiem. Semma l-importanza li pajjiżna jkollu istituzzjonijiet li jaħdmu u li f’pajjiżna jkun hawn governanza tajba u titħaddem is-saltna tad-dritt.

Hu kompla li 38 sena ilu, il-Maltin u l-Għawdxin irreżistew sakemm rebħu. Imxew triq twila li dehret impossibbli, bi Prim Ministru bla kontroll u bi kriminali jagħmlu li jridu. Bħal dakinhar, anke llum, il-poplu qed iħoss il-ħtieġa tal-bidla quddiem istituzzjonijiet li llum huma maħtufin, fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dakinhar, il-poplu fehem kemm is-sitwazzjoni kienet gravi u għażel lill-Partit Nazzjonalista li kellu l-viżjoni favur ix-xogħol, il-ġustizzja u l-libertà. Bl-istess mod, illum il-poplu qed jagħżel lill-Partit Nazzjonalista, bil-viżjoni tiegħu b’risq Malta Żagħżugħa.
Fl-attività politika tkellem ukoll Dione Borg. Membri tal-familja ta’ Raymond Caruana attendew għall-attivitajiet kollha li saru llum fil-Gudja.
//= $special ?>

