Il-Partit Nazzjonalista jemmen fl-abbilitajiet ta’ kulħadd – kulħadd għandu x’joffri.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-PN Bernard Grech fil-laqgħa li kellu ma’ numru ta’ rapreżentanti ta’ għaqdiet li jħarsu d-drittijiet ta’ nies b’diżabbiltà u bżonnijiet speċjali.
Bernard Grech sostna li dawn il-laqgħat huma ta’ importanza kbira sabiex il-PN jkun jista’ jifhem dejjem aktar il-bżonnijiet ta’ kulħadd. Apparti li jkun jista’ jifforma l-politika tiegħu wara li jisma’ dawn l-esperjenzi.
Din il-laqgħa ġiet organizzata mill-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista mmexxija minn Jamie Vella flimkien max-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea.
Laqgħa li fiha rappreżentanti varji semmgħu leħinhom fuq dak l-aktar li jinkwethom u l-isfidi kontinwi li nies bi sfidi ta’ diżabbiltajiet varji jaffaċċjaw ta’ kuljum. Fosthom diffikultajiet ta’ aċċessibiltà, b’bost mir-rappreżentanti saħqu ma’ Bernard Grech li l-bini eċċessiv u infrastruttura ħażina tagħmilha aktar diffiċli sabiex persuna b’kundizzjoni tkun tista’ tgħix b’mod dinjituż.
Preżenti kien hemm rappreżentanti minn Caritas Malta Epilepsy, Service Dogs Malta Foundation, Malta Dyslexia Association, Mental Health Association, Special Olympics Malta, ADHD Malta, STAND, Step Up For Parkinson’s Voluntary Organisation, MFOPD, Inspire u anke mid-Dar tal-Providenza.
Kien hemm ukoll rappreżentanti minn entitajiet governattivi fosthom minn JobsPlus, Aġenzija Sapport, Lino Spiteri Foundation u CRPD.