L-Awtorità tax-Xandir sabet lix-xandir pubbliku, il-PBS, ħati ta’ żbilanċ meta xandar ir-riklam li fih deher Robert Abela qabel il-Budget 2024.
Minkejja li Robert Abela reġa’ prova jgħaddi lill-poplu minn għajn il-labra u jbellagħhielu li r-reklami li ordna li jixxandru kienu biex jinfurmaw lin-nies, l-Awtorità tax-Xandir issa kixfitu li dawn kienu biss propaganda u sabet lill-PBS ħati ta’ żbilanċ kontra l-PN.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino u x-Shadow Minister għax-Xandir Pubbliku Claudette Buttigieg, qalu li kull deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir li qed tagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista qed tikkonferma dejjem aktar kemm TVM sar Super One 2.
Robert Abela jaħseb li jista’ juża x-xandir pubbliku daqslikieku kien ix-xandir tiegħu personali. L-istazzjon suppost nazzjonali qiegħed ta’ kuljum u metodikament jintuża minn Robert Abela bħala magna ta’ propaganda. Dan issa jafu kulħadd għax tul is-snin kellna biżżejjed provi.

Minbarra l-iżbilanċ kontinwu tal-PBS kontra l-PN, illum taħt it-tmexxija tal-editur Charles Dalli, dik li llum hija l-kelliema uffiċjali tal-Labour, Norma Saliba, waħidha, instabet ħatja ta’ żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista fir-rappurtaġġ 21 darba kemm damet tmexxi l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS.
Dan ifisser li għal mill-anqas 21 darba, taħt it-tmexxija tagħha, il-PBS qarraq fir-rappurtaġġ tiegħu lin-nazzjon. Żball darba huwa żball. 21 darba hija intenzjoni, qalu l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista.
Minbarra f’dan, fi żmien Norma Saliba l-PBS instab ħati wkoll fi tliet okkażjonijiet mill-Qorti Kostituzzjonali li kiser id-drittijiet fundamentali tal-PN.
Dawn huma biss il-każijiet ta’ żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista u ma jinkludux każijiet ta’ żbilanċ kontra persuni oħra li b’xi mod jew ieħor ikkritikaw jew tefgħu dawl ikrah fuq il-Gvern.
Ta’ dan is-servizz leali, Norma Saliba tħallset sew anke meta temmet iż-żmien tagħha ta’ editur tax-xandir pubbliku. Għaliha nħoloq impjieg li qatt ma eżista bħala l-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Ilsien Malti biex setgħet iddaħħal €72,000 fis-sena.
Norma Saliba tant kienet portavoċe tajba tal-Labour li llum il-ġurnata tpoġġiet Kap tal-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Partit Laburista wara li falla l-pjan ta’ Robert Abela u ma rnexxilhiex tiġi eletta President tal-Labour.
Saliba mhix l-unika waħda mix-xandir pubbliku li aġixxiet kontra l-Partit Nazzjonalista.
Ftit tal-ġimgħat ilu direttur tal-PBS, Pablo Micallef, inkixef li kien wara t-tbagħbis ta’ ritratt li kien juri lix-Shadow Minister Ryan Callus waqt żjara f’faċilità tal-Water Services Corporation, li tagħha huwa wkoll id-Direttur Komunikazzjoni. Micallef iċċensura lid-Deputat Nazzjonalista u bagħbas ir-ritratt biex flok Ryan Callus poġġa immaġni ta’ raġel ieħor.
Minkejja li Micallef ammetta din il-manipulazzjoni, mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan il-każ, ilbieraħ wieġeb li “jekk Ryan Callus dejqitu dil-ħaġa, niskużaw ruħna”. Bħall-Ministri li jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom, Micallef qed jaħseb li sorry hi biżżejjed.
Pablo Micallef u Norma Saliba huma biss żewġ eżempji ta’ yes men li jabbużaw mill-pożizzjonijiet tagħhom u joħolqu żbilanċ favur il-Gvern Laburista.
Meta Robert Abela juża lill-PBS bħala magna ta’ propaganda, qed juri li m’għandu l-ebda rispett lejn l-intelliġenza ta’ min isegwi x-xandir pubbliku u qed jabbuża minn fondi pubbliċi.
Il-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf jiġġieled l-iżbilanċ mill-istazzjon li suppost juri l-istampa kollha u veritiera ta’ dak li jkun qed jiġri fil-pajjiż. Il-poplu għandu dritt ikun jaf il-fatti kif inhuma, mhux kif jixtieqhom Robert Abela.
//= $special ?>