Il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb iżda assolutament mhux sorpriż bl-aħħar statistiċi ppubblikati mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li għal darba oħra jikxfu li Malta għandha l-ogħla żieda fl-emissjonijiet fl-Unjoni Ewropea.
M’aħniex sorpriżi għaliex għal dawn l-aħħar xhur drajna naraw distakk enormi bejn il-magna ta’ PR u greenwashing tal-Ministru Miriam Dalli u l-fatti inkwetanti dwar il-klima, l-enerġija, u l-emissjonijiet f’pajjiżna.
Eve Borg Bonello, ix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika, qalet fi stqarrija li din l-aħbar tasal ftit ġimgħat biss wara li l-Kummissjoni Ewropea ċanfret lill-Gvern Malti permezz ta’ Ittra ta’ Avviż Formali talli naqas milli jħares l-obbligu klimatiku tiegħu li jissottometti l-pjanijiet aġġornati tal-Enerġija u l-Klima (NECPs).
Filwaqt li l-Ministru Dalli tkompli tqarraq b’kampanja ta’ greenwashing, il-poplu Malti jkompli jħallas il-prezz għoli, isofri u jifga fl-emissjonijiet li qegħdin dejjem jiżdiedu. L-istess agenzija ppubblikat ukoll lista ta’ konsegwenzi koroh tat-Tibdil fil-Klima li jolqtu pajjiżi fil-Mediterran (ara iktar ’l isfel f’din l-istqarrija).
Ilbieraħ stess, il-Partit Nazzjonalista żvela kif minħabba l-inkompetenza tal-Gvern Laburista, Malta tilfet €90 miljun f’fondi Ewropej u investiment privat li kellhom jintużaw biex aktar minn mitt karozza tal-linja jinqalbu għal dawk elettriċi.
Il-Gvern Laburista qed ifalli b’mod spettakolari milli jilħaq il-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet sas-sena 2030. Pajjiżi oħra mhux biss laħqu l-miri tagħhom kmieni, imma komplew jaqbżuhom. Hemm distakk enormi bejn il-miri tagħna għas-sena 2023 u l-pożizzjoni reali ta’ Malta fl-istess sena.
Pajjiżna għandu bżonn azzjoni immedjata qabel ma jkun tard wisq. Kieku l-Gvern verament ried jieħu din is-sitwazzjoni bis-serjetà, kien:
· jimplementa awditjar u verifika sħiħa tal-policies klimatiċi biex jiġu identifikati l-kawżi ewlenin ta’ dan il-falliment
· jalloka riżorsi immedjati biex jiġi aċċellerat it-tnaqqis tal-emissjonijiet fit-trasport, il-bini, u l-immaniġġjar tal-iskart
· juri impenn għat-trasparenza u r-responsabbiltà billi jiżgura aġġornamenti regolari dwar il-progress lejn il-miri klimatiċi.
Il-Partit Nazzjonalista hu impenjat li jibqa’ jiġġieled għal politika ambjentali li tmexxi ’l quddiem azzjoni konkreta kontra t-Tibdil fil-Klima u li tħeġġeġ l-użu tal-enerġija li tiġġedded, ibbażata fuq trasparenza u kontabbiltà.
Fl-interess tal-poplu Malti u l-ġenerazzjonijiet futuri, issa huwa l-waqt li nqumu fuq saqajna u nħallu l-fatti u mhux il-PR imexxuna.
//= $special ?>

