Manchester City irritornaw għar-rebħ kontra Nottingham Forest waqt li Arsenal kisbu rebħa importanti kontra Manchester United biex baqgħu jaqsmu t-tieni post fil-klassifika flimkien ma’ Chelsea bi 28 punt. Liverpool skansaw milli jitilfu t-tliet punti biex żammew vantaġġ ta’ 7 punti fuq Arsenal u Chelsea
Arsenal 2 Manchester United 0
Bit-tmien rebħa tal-istaġun, Arsenal jibqgħu jaqsmu t-tieni post fil-klassifika flimkien ma’ Chelsea bi 28 punt, seba’ taħt il-leaders Liverpool.
Manchester United b’din it-telfa baqgħu fil-11 il-post b’19-il punt daqs Fulham. Bilanc bejn iż-żewġ timijiet matul l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima kibret il-pressjoni minn Arsenal li il-54 minuta fetħu l-iskor permezz ta’ JURRIEN TIMBER li minn azzjoni ta’ Declan Rice għeleb lil Onana.
F’mument meta Manchester United ippruvaw iwettqu reazzjoni, fit-73 minuta minn azzjoni ta’ Thomas Partey kien id-difensur WILLIAM SALIBA li b’xi mod għeleb mill-ġdid lil Andre’ Onana u għalaq il-partita.
Manchester City 3 Nottingham Forest 0
Wara serje ta’ riżultati negattivi Manchester City rritornaw għar-rebħ f’partita li mmaturat fl-ewwel taqsima.
Wara biss tmien minuti Manchester City kisbu l-vantaġġ permezz ta’ BERNARDO SILVA li minn azzjoni ta’ Kevin de Bruyne għeleb lil Mats Sels. Reazzjoni minima minn Nottingham li fil-31 sofrew it-tieni gowl permezz ta’ KEVIN DE BRUYNE minn azzjoni ta’ Jeremy Doku. Riżultat ta’ 2 – 0 fi tmiem l-ewwel taqsima. L-andament matul it-tieni taqsima baqa’ l-istess. Fis-57 minuta l-iskor sar 3 – 0 b’gowl minn JEREMY DOKU minn azzjoni ta’ Erling Haaland. Riżultat li bih intemmet il-partita.
Newcastle United 3 Liverpool 3
F’partita mill-isbaħ bir-riżultat jinbidel minn ħin għall-ieħor, Liverpool skansaw milli jitilfu t-tliet punti biex żammew vantaġġ ta’ 7 punti fuq Arsenal u Chelsea. Newcastle b’20 punt laħqu lil Brentford u Tottenham Hotspur.
Fil-35 minuta b’sorpriża Newcastle marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Bruno Fernandes kien ALEXANDER ISAK li għeleb lil Kelleher għall-uniku gowl matul l-ewwel taqsima.
Fil-50 minuta Liverpool kisbu l-gowl tad-draw. Minn azzjoni ta’ Mohamed Salah kien CURTIS JONES li għeleb lil Nick Pope. Reazzjoni immedjata minn Newcastle tant li fit-62 minuta mill-ġdid marru fil-vantaġġ. Pass ta’ Alexander Isak lejn ANTHONY GORDON li mill-ġdid għeleb lil Kelleher. Risposta minn Liverpool li sitt minuti wara għamlu l-iskor 2 – 2 permezz ta’ MOHAMED SALAH li minn azzjoni ta’ Trent Alexander Arnold għeleb lil Nick Pope. Kibret il-pressjoni minn Liverpool li fit-83 minuta marru fil-vantaġġ. Mill-ġdid azzjoni ta’ Alexander Arnold u mill-ġdid MOHAMED SALAH għeleb lil Nick Pope 3 – 2 . Kien għad fadal. Fid-90 minuta minn azzjoni ta’ Bruno Guimaraes kien FABIAN SCHAR li għeleb lil Kelleher għat 3 – 3.
//= $special ?>