Lokali Qorti

Ma tintlaqax talba għal danni minn koppja dwar ħsara fi dwieli kkaġunata minn murtal

L-Imħallef Francesco Depasquele ma laqax talba li għamlet koppja mir-Rabat fejn tilfet talba għad-danni li għamlet kontra soċjetà mużikali wara li logħob tan-nar qered għelieqi bid-dwieli. Paul u Phyllis Zahra bdew il-proċeduri tagħhom fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam tar-Rabat, l-Għaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu, il-kumpanija 19th March Limited u l-kumpanija tal-assikurazzjoni Thomas Smith.

Fit-talba tagħha qalet li għandha r-raba fl-inħawi magħrufa bħala “Tal-Għeriexem”, fil-limiti tar-Rabat, li fiha tkabbar id-dwieli li mbagħad jiġi pproċessat f’inbid minn kumpanija lokali. Fl-għalqa għandha wkoll maħżuna magni, għodda, inġenji relatati mar-raba u xogħol maħdum.

Qalet ukoll li kif fis-16 ta’ April 2016 l-għalqa ġarrbet ħsarat b’nirien kawża ta’ murtal li waqa’ fl-għalqa waqt il-festa ta’ San Ġużepp u għalhekk żammet lill-għaqda mużikali responsabbli. Wara li sema’ l-provi, l-Imħallef Depasquale beda biex irrimarka li l-inċident seħħ jum qabel il-festa ta’ San Ġużepp li fl-2016 kienet iċċelebrata fis-17 ta’ April flok fid-19 ta’ Marzu.

Żied li l-ħarqa saret minn fuq il-post ta’ fejn l-istazzjon u li l-għelieqi tal-koppja kienu taħt l-istess pont. L-Imħallef ma sabx lill-Għaqda Mużikali L’Isle Adam responsabbli għax qal li din mhux involuta fil-logħob tan-nar.

Dwar l-Għaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu qal li din mhix għaqda formalment komposta tant li la għandha president, la segretarju u lanqas kaxxier. Fil-każ tal-kumpanija 19th March Limited, l-Imħallef qal li l-persuna liċenzjata dakinhar tal-inċident kien Bernard Cauchi, madankollu ma ttieħdet ebda azzjoni fil-konfront tiegħu.

Dwar il-kumpanija tal-assikurazzjoni Thomas Smith qal li din kienet tkopri lil Cauchi u għalhekk ma tistax tkun hi li tagħmel tajjeb għad-danni. Meta qieset kollox, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili warrbet it-talba għall-kumpens li ressqet il-koppja Zahra, li huwa mifhum se tappella mis-sentenza.