Lokali Qorti

Tfajla “bullied” minn żagħżugħ mgħammad li għamlilha pistola ma’ rasha u talabha €400

Tfajla ta’ 15-il sena ġiet aggredità b’pistola ma rasha minn wieħed minn ħames żgħażagħ li kienu qabdu magħha u jibbuljawha. Dan talabha s-somma ta’ €400. Huwa heddidha li jekk ma kenitx se tagħtih il-flus kienet se tispiċċa ħażin. Qalet ukoll lill-Pulzija li tfajla pprovat tagħtiha tliet daqqiet ta’ mus.

Membru tal-Korp tal-Pulizija xehed fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, li qed jippresiedi l-każ. dwar każ ta’ bbuljar li ħalla tifla ta’ 15-il sena b’feriti ta’ mus u kif din irrakkontatlu li żagħżugħ mgħammad żamm pistola ma’ rasha fost kliem ta’ theddid. Jake Dalli Balzan qed iwieġeb mhux ħati b’rabta ma’ każ li beda bħala bullying fi skola sekondarja.

Huwa qed jiġi mixli li weġġa’ ħafif lit-tfajla ta’ 15-il sena, kif ukoll b’kompliċità, estorsjoni u li kellu mus fil-pussess tiegħu. Dalli Balzan mhuwiex iż-żagħżugħ li allegatament għamel il-pistola ma’ ras it-tifla. Il-vittma kienet qed tiġi bbuljata fl-iskola u mhedda li jekk ma tagħtihomx il-flus, kienu se jattakkawha b’mus.

Il-vittma minħabba l-biża’ li kellha ma marritx l-iskola, u hawn irċeviet messaġġi miż-żgħażagħ li bbuljawha li “mhux imbilli mhix tiġi skola xorta ħa npattuhielek”. Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li f’Novembru li għadda l-Pulizija bdiet tinvestiga każ ta’ tifla ta’ 15-il sena li ġiet aggredita minn ħames persuni u anke qalgħet daqqa ta’ mus fl-Imqabba.

It-tifla qalet li kienet qed tiġi bbuljata fi skola f’Ħal Kirkop u li kienet qed tiġi mhedda minn tifla ta’ 13-il sena biex tagħtiha xi flus. Din it-tifla hija ħabiba tal-akkużat. Mill-investigazzjoni li saret, fl-24 ta’ Novembru, ġie ċċertifikat li l-vittma ġarrbet feriti ħfief minn dan il-każ. Il-Pulizija kienet marret l-Isptar Mater Dei fejn kellmet lill-vittma ma’ missierha u hi spjegat li tliet żgħażagħ b’wiċċhom mgħammad żammewha filwaqt li żewġ persuni oħra, li kienu l-akkużat u t-tfajla tiegħu, għarfithom għax kienet taf bihom.

Aggredita fi sqaq

Il-vittma qalet lill-Pulizija li din it-tfajla bdiet toffendiha. Is-surmast tal-iskola ġie mitkellem ukoll mill-Pulizija li kellmet lit-tifla li aggrediet u offendiet lill-vittma. It-tifla tat id-dettalji tal-għarus tagħha, l-akkużat, u sostniet li ma kinitx fl-Imqabba meta seħħ dan il-każ vjolenti.

Il-Pulizija kompliet bl-istħarriġ tagħha u elevat il-cameras tas-sigurtà li juru kif il-vittma ħarġet minn darha, daħlet fi sqaq għal ftit minuti u malli ħarġet minnu, ġiet aggredita. L-aggrediment innifsu ma nqabadx fuq il-cameras.

Malli l-Pulizija staqsietha għaliex daħlet fl-isqaq, il-vittma bdiet tibki u qalet li ma xtaqitx tgħid fil-preżenza tal-ġenituri tagħha. Kien għalhekk li daħal uffiċjal tas-servizzi protettivi tat-tfal (CPS) u t-tifla spjegat li rat żagħżugħ mgħammad li ħareġ pistola, għamilha ma’ rasha, u heddidha li kien se joqtolha jekk ma tagħtihx €400.

It-tifla qalet li, ħin minnhom, waqgħu tliet balel mill-but tiegħu. Wara dan l-inċident, it-tifla ħarġet mill-isqaq u seħħ l-inċident l-ieħor mal-ħames żgħażagħ l-oħra. F’dik l-istess ġurnata tal-biża’, lt-tifla qalet li rċeviet messaġġ mingħand Dalli Balzan li allegatament skuża ruħu.

It-tifla qalet li kienet ħassret dan il-messaġġ. Kien fis-27 ta’ Novembru, li l-akkużat ġie arrestat u ġie elevat il-mowbajl tiegħu li ttieħed fit-Taqsima tas-Cybercrime tal-Pulizija. Saret tfitxxija fid-dar fejn jgħix Dalli Balzan u fil-garaxx, u ġew elevati żewġ mowbajls f’kundizzjoni ħażina u tlett imwies.

Waqt li Dalli Balzan tressaq il-Qorti, il-Pulizija arrestat liż-żagħżugħ ta’ 19-il sena li hedded lill-vittma b’pistola. Dalli Balzan qal li dak il-ħin li seħħ l-inċident, kien fil-Maypole tal-Fgura u mill-filmat tal-cameras, l-akkużat jidher jasal fil-ħanut bir-rota u jinżel minn fuqha.

Madanakollu, il-Prosekuzzjoni qalet li kien hemm diskrepanza fil-ħin muri fil-kameras u l-ħin meta verament Dalli Balzan kien fil-ħanut. Fis-seduta ġie ppreżentat il-mus li allegatament intuża mit-tifla ta’ 13-il sena biex thedded lill-vittma.

Titlobha l-flus u toffrilha l-kokaina

Mistoqsi mill-avukat Jason Azzopardi, għan-nom tal-vittma u familtha, dwar x’relazzjoni hemm bejn il-vittma u t-tifla li aggreditha, il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma allegat li t-tifla kienet titlobha l-flus u kienet anke toffrilha l-kokaina. Il-vittma kompliet tgħid li t-tifla ripetutament kienet theddidha għall-flus billi żżomm mus ma’ żaqqha u l-vittma x’aktarx tatha madwar €800.

Il-vittma kompliet tgħid li, ġieli, l-akkużat kien ikun mal-għarusa tiegħu u meta tagħtiha l-flus, kien jeħodhom hu minflok. Missier il-vittma eventwalment tkellem mas-surmast tal-iskola li jattendu għaliha t-tifla u l-vittma.

L-Avukat Azzopardi ppreżenta screenshot tal-allegat theddid li l-vittma rċeviet fuq Instagram minn profil falz li wara ġie żvelat li huwa tat-tifla ta’ 13-il sena. Dawn il-messaġġi nqraw fil-Qorti. “Jekk ma tridx taqla’ xebgħa sikkina, ġibli l-€400” u “Mhux imbilli rrappurtajtni għax niġi għalik l-Imqabba u nagħtik xebgħa sikkina” kienu tnejn mill-messaġġi.

Mistoqsi dwar x’kien qed jagħmel l-akkużat meta l-vittma ġiet aggredita fl-Imqabba, il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma tenniet li l-akkużat taha daqqa fuq rasha. Wara, id-difiża staqsiet lill-Prosekuzzjoni għadhiex tal-ħsieb li l-akkużat verament kienx involut f’dan il-każ, il-Prosekuzzjoni wieġbet li l-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.

Il-Prosekuzzjoni kkjarifikat li r-rapport sar fl-20 ta’ Novembru u l-aggrediment seħħ fit-23 tal-istess xahar. Il-Pulizija kellmet lill-vittma l-għada tal-aggrediment.

Wara xehed surġent li kien fl-Għassa tal-Pulizija fiż-Żejtun meta daħlet telefonata li fi Triq Valletta fl-Imqabba kien hemm tifla feruta mal-art. Malli wasal fuq il-post, is-surġent sab li diġà kien hemm Pulizija tal-RIU u stat ta’ paniku għaliex il-vittma kienet qed tgħajjat bl-uġigħ u tgħid xi ħaġa li ma setgħetx tinftiehem.

Omm il-vittma kienet maġenbha flimkien ma’ infermiera u meta l-Pulizija staqsiet lill-vittma x’ġara, hi qalet li kienet qalgħet daqqa ta’ mus. Wara li l-vittma kkalmat, hi spjegat lill-Pulizija li grupp ta’ ħames żgħażagħ kienu qed jistennewha. Huma avviċinawha filwaqt li tlieta minnhom żammewha u t-tifla ta’ 13-il sena ipprovat tliet darbiet tagħtiha daqqa ta’ mus.

Iżda dan l-attentat ma rnexxiex minħabba li l-mus ma ppenetrax il-ħwejjeġ tagħha. Waqt li kien qed iseħħ dan, l-akkużat allegatament beda jaggredixxi lill-vittma. Wara li temm l-inċident, il-vittma qalet li tifla oħra ġiet fuqha, tatha daqqa ta’ sieq fl-istonku u qaltilha “il-kbir għadu ġej”.

L-Ispettur Wayne Bonello qed imexxi l-Prosekuzzjoni. L-avukati David Bonello u Joseph Borda qed jirrappreżentaw lill-akkużat. L-avukat Jason Azzopardi qed jirrappreżenta l-ġenituri tal-vittma.