Internazzjonali

35 sena wara s-Summit ta’ Bush u Gorbachev f’Malta: Il-Punent u l-Ewropa jinsabu eqreb ta’ eskalazzjoni perikoluża mar-Russja

Is-sitwazzjoni perikoluża għall-Ewropa u l-Punent qed teskala wara d-diskors aggressiv tal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, waqt is-summit tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni (OSCE)  organizzat f’Malta.

Summit li qed isir 35 sena wara s-summit storiku ta’ Diċembru tal-1989 f’Malta u fejn l-Eks President Amerikan George H. W. Bush u l-Eks President Sovjetiku Mikhail Gorbachev wittew it-triq lejn id-deeskalazzjoni tal-Gwerra Bierda li kienet ilha għaddejja fl-Ewropa mill-aħħar tal-ħamsinijiet.

Madankollu, l-istorja tidher li qed tirrepeti ruħha – iżda b’mod għalkollox differenti u fost l-iżviluppi allarmanti għall-Ewropa u l-Punent. Dan meta l-Ministru Lsvrov, waqt is-summit,  fetaħ kapitlu ġdid u perikoluż għall-kontinent. Kapitlu relatat direttament mal-gwerra tal-Ukrajna, ir-riperkussjonijiet ‘il hinn minnha u l-ambizzjonijiet territorjali tal-Kremlin f’Moska.

L-osservaturi u l-analisti politiċi qed jaqblu li s-summit tal-OSCE f’Malta x’aktarx li serva biex ir-Russja tħabbar l-intenzjonijiet veri tagħha li – almenu f’dan l-istadju – ma jidhrux daqstant disposti lejn il-paċi.

Dan fost il-kundanna għad-diskors, nhar il-Ħamis, tal-Ministru Lavrov li akkuża lill-Punent b’li qed jipprovoka konflitt dirett mar-Russja u fost l-istqarrija li l-Punent qiegħed jitratta lil Moska bħala ‘għadu komuni’.

Ta’ inkwiet partikulari kien il-kumment ta’ Lavrov fis-sens li ‘l-Gwerra Bierda attwali kapaċi ssir aktar taħraq’ u fost l-indikazzjonijiet verbali li t-tensjoni bejn Moska u l-Punent kapaċi jeskalaw anki b’mod irriversibbli.

Hemm anki l-fattur ironiku li Lavrov kellu jsemmi ‘r-reinkarnazzjoni tal-Gwerra Bierda’ proprju f’Malta – u daqstant snin wara s-summit ta’ Bush u Gorbachev li fost oħrajn kien witta t-triq lejn it-tmiem eventwali tal-Unjoni Sovjetika.

Minkejja li t-tmexxija tar-Russja tinsab suġġetta għal diversi sanzjonijiet b’riżultat tal-gwerra, Lavrov seta’ jagħmel l-ewwel żjara f’pajjiż tal-Unjoni Ewropa – f’dan il-każ Malta – minn Frar tal-2022. Dan seta’ jsir peress li Lavrov mhux suġġett għal sanzjonijiet li jistgħu jwaqqfuh minn dawn it-tip ta’ żjarat għalkemm l-assi personali tiegħu huma direttament koperti mis-sanzjonijiet inkwistjoni.

L-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja ddominat id-diskussjonijiet waqt dawn il-jumejn tas-summit tal-OSCE li attendew għalih numru sinifikanti ta’ Ministri għall-Affarijiet Barranin.

Il-Ministru Ukren għall-Intern, Andrii Sybiha, qal li pajjiżu qed jiġġieled għall-eżistenza tiegħu bħala pajjiż sovran u anki rrefera għal Sergei Lavrov bħala ‘kriminal tal-gwerra’.  

Sybiha u Ministri oħra anki kkuntestaw l-involviment tar-Russja fl-avveniment tal-OSCE fost il-kummenti li r-Russja mhix sieħba ġenwina tal-komunità internazzjonali u meta hi wkoll l-akbar theddida għas-sigurtà kollettiva tal-pajjiżi kif ukoll għall-kooperazzjoni fl-Ewropa.

Il-Ministru Pollakk għall-Affariajiet Barranin, Radoslav Sikorski, wissa li l-Kremlin qed jipprova jibni mill-ġdid ‘l-Imperu Sovjetiku’ u li l-Punent beħsiebu jirreżistih f’kull ħin u f’kull mument.

Dritt wara d-diskors tiegħu, Lavrov ħareġ ‘il barra mill-kamra – bis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, jikkritika l-fatt li l-Ministru Russu ma baqax hemmhekk biex jisma’ r-reazzjonijiet tal-Ministri oħrajn.

Blinken akkuża lil Lavrov dwar ‘tsunami ta’ misinformazzjoni’ waqt li rrefera għall-eskalazzjoni tal-gwerra min-naħa tar-Russja – b’mod partikulari l-użu tal-missili ballistiċi għal fuq distanzi akbar mill-Kremlin għal fuq l-Ukrajna. Dan ukoll fost it-theddid ta’ Moska biex tispara l-armi nukleari lejn il-Punent.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan qal li kull pajjiż sovran għandu d-dritt li jagħmel l-għażliet tiegħu u li f’dan il-każ, l-Ukrajna u l-poplu Ukren għandhom id-dritt li jagħżlu huma l-futur tagħhom u mhux joqogħdu għall-għażliet tar-Russja.

Blinken u Lavrov ma kenux skedati li jiltaqgħu u jitkellmu wiċċ imb wiċċ waqt is-summit ta’ Malta.

L-OSCE hi s-suċċessur għall-istituzzjoni li twaqqfet fl-1975 biex tiffaċilita r-relazzjonijiet bejn il-Punent u l-Eks Unjoni Sovjetika komunista waqt il-Gwerra Bierda. Intant, l-OSCE qed tibgħat l-osservaturi għall-moniteraġġ tal-konflitti u l-elezzjonijiet madwar id-dinja – minbarra li tgħin lill-Istati membri  biex jikkoordinaw dwar diversi issues; mill-kontroll tal-armi sal-ħarsien tad-drittijiet umani.

Iżda mindu l-qawwiet Russi invadew lill-Ukrajna, l-OSCE spiċċat imxekkla sew minħabba l-użu tal-vetos, minn Moska, biex timblokka diversi deċiżjonijiet importanti. Dan ukoll meta Sergei Lavrov, għan-nom tar-Russja, akkuża lill-OSCE bħala ‘furċina tan-NATO u tal-Unjoni Ewropea’.