Lokali Qorti

Anzjan mixli li wettaq atti sesswali ma’ tifla ta’ tmien snin irid jgħaddi ġuri quddiem ġurija

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ma laqgħetx talba ta’ anzjan li jinsab mixli li wettaq atti sesswali ma’ tifla ta’ tmien ma jsirx bil-ġurati. Din ma kienitx l-ewwel darba li l-Qorti ċaħdet numru ta’ oġġezzjonijiet minn Grazio Azzopardi ta’ 71 sena, fejn fost oħrajn ma jgħaddix ġuri fuq il-każ u dan għax skont hu l-Prosekuzzjoni kienet iddrammatizzat l-akkużi miġjuba kontrih.

U dan bil-għan li lill-ġurati jagħtuhom impressjoni ħażina tal-akkużat u li konsegwentament tista’ tippreġudika l-każ. Wara din iċ-ċaħda Azzopardi kien għamel talba biex il-ġuri tiegħu jinstema’ mingħajr ġurati u jiġi deċiż minn Imħallef.

Azzopardi huwa akkużat ukoll li fost oħrajn uża l-vjolenza fil-konfront tat-tifla u xerred pornografija tat-tfal. Huwa qed jiffaċċa erba’ Kapi ta’ Akkuża. L-Ewwel Kap jgħid li fis-6 ta’ Ottubru, 2015 kif ukoll fix-xhur u snin ta’ qabel din id-data, f’residenza fix-Xgħajra ta’ Ħaż-Żabbar, b’diversi atti magħmulin minnu, ipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna vulnerabbli, u dan bl-użu ta’ vjolenza, sforz, forza u theddid.

It-Tieni Kap jgħid li dan inhar stess, kif ukoll fix-xhur u snin ta’ qabel fl-istess residenza b’għemil żieni kkorrompa lit-tifla ta’ taħt u dan billi uża vjolenza, theddid jew qerq waqt li l-minuri ġiet fdata lilu għal xi żmien sabiex jieħu ħsiebha.

Qed jiġi akkużat ukoll li ġiegħel lit-tifla ta’ tmien snin sabiex toqgħod għal xi ħaġa li toffendi l-mistħija tas-sess tagħha u li xerred il-pornografika lil persuni terzi. L-appell biex il-ġuri jinstema’ bla ġurati sar mill-akkużat wara digriet mogħti mill-Qorti Kriminali li fih kienet ċaħdet it-talba.

Il-ġuri suppost kellu jsir fit-18 ta’ Ottubru 2022, liema smigħ madanakollu kien pospost fuq talba tal-akkużat stess għal darbtejn. Il-Qorti ddikjarat l-appell bħala null u tastjeni milli tieħu konjizzjoni ulterjuri tiegħu.